Lokali

Tmexxija fil-BOV taħt il-kontroll assolut taċ-Chairman b’ħatra ta’ Kap Eżekuttiv ġdid

L-eżerċizzju li kellu jwassal għall-kontroll assolut miċ-Chairman tal-Bank of Valletta John Cassar White fuq it-tmexxija tal-Bank, wassal biex fi klima tqila u kontroversjali li għaddej minnha internament il-Bank, jitħabbar uffiċjalment li l-Kap Eżekuttiv tal-Bank se jkun Mario Mallia.

Fi stqarrija uffċjali lbieraħ, il-Bank of Valletta ħabbar li l-Bord tad-Diretturi ħatar lil Mario Mallia fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv Ewlieni, b’seħħ mill-1 ta’ Jannar li ġej. Fl-istess stqarrija, il-Bank irringrazzja lil Charles Borg għas-servizz twil li ta fil-Bank of Valletta hekk kif wasal lejn it-tmiem tal-kuntratt  bħala Kap Eżekuttiv.

In-Nazzjon segwa mill-qrib fl-aħħar xhur l-iżviluppi li seħħew fit-tmexxija tal-Bank wara li l-Gvern Laburista biddel iċ-Chairman.   Qabel ma ħarġet is-sejħa interna u pubblika għall-Kap Eżekuttiv ġdid tal-Bank, In-Nazzjon kien diġà żvela kif l-indikazzjonijiet kollha kienu juru li se jitkompla jitwettaq il-pjan taċ-Chairman tal-Bank, bl-isem ta’ Mario Mallia li kien diġà qed jissemma bħala l-favorit ta’ Cassar White.

Mario Mallia għal snin twal ħadem bħala assistent ta’ Cassar White, u hu magħruf għal-lealtà assoluta li għandu lejn iċ-Chairman preżenti. Is-sena l-oħra, Maro Mallia ġie appuntat fil-kariga ta’ Chief Operations Officer minn Cassar White stess fl-hekk imsejħa riforma ta’ Cassar White. Riforma li rat ukoll it-tmexxija u d-deċiżjonijiet dwar l-operat tal-Bank jittieħdu minn idejn il-Kap Eżekuttiv eżistenti Charles Borg.

Ħafna qrib il-Bank qed iqisu dan l-iżvilupp bħala l-pass aħħari taċ-Chairman John Cassar White sabiex ikollu kontroll assolut fuq it-tmexxija tal-Bank.

Din il-ħatra ta’ Kap Eżekuttiv ġdid issegwi l-pjan li beda jitwettaq sa mill-bidu tal-ħatra ta’ Cassar White bħala Chairman, biex jiddaħħlu aktar nies tal-qalba.

Kif kien ukoll żvela dan il-ġurnal, iċ-ċirkulari li kienet ħarġet għal applikazzjonijiet għar-rwol ta’ Change Management Executive, li kienet fetħet u għalqet fi ftit jiem u wara ħarġet ukoll sejħa esterna, kien witta t-triq biex jinħatru uffiċjali għolja ġodda fit-tmexxija tal-Bank u li huma qrib iċ-Chairman.

Ma’ dan kien hemm ukoll numru ta’ promozzjonijiet li bihom gawdew bil-kbir uħud li huma magħrufa sew għar-rabtiet mill-qrib li għandhom mal-Partit Laburista.

Mario Mallia għandu 54 sena u ngħaqad mal-Bank fl-1979.okkupa diversi karigi fil-Bank of Valletta fosthom ta’ Chief Finance Officer, Chief Risk Officer u Chief Operations Officer.  Hu Chairman tal-Asset & Liability Management Committee (ALCO) tal-Bank, u direttur ta’ bordijiet tal-MSV Life plc u tal-Valletta Fund Services Ltd.