Il-Ministri għall-Intern tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu miżuri tas-sigurtà akbar li jinkludu t-tisħiħ tal-fruntieri esterni taz-zona Schengen fejn hu permess moviment ħieles bejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Bernard Cazeneuve qal li l-Unjoni Ewropea ħliet żmien iż-żejjed dwar numru ta’ issues urġenti u esprima tama li, din id-darba, d-deċiżjonijiet importanti li jittieħdu jkunu implimentati llum qabel għada.
Fil-laqgha tal-lum il-Ministri tal-Unjoni Ewropea qablu dwar miżuri tas-sigurtà sistematiċi u koordinati mal-fruntieri esterni tal-Ewropa u li japplikaw anki għall-individwi li jgawdu d-dritt tal-moviment ħieles.
Dan ifisser li ċittadini tal-Unjoni Ewropea, l-istess bħaċ-ċittadini li ġejjin minn barra l-grupp ta’ pajjiżi se jkollhom il-passaporti eżaminati fi proċess ta’ rutina. L-awtoritajiet, f’dan il-każ, għandhom jirreferu għal database ta’ terroristi magħrufa jew suspettati u li tinkludi wkoll l-ismijiet ta’ persuni involuti fil-kriminalità organizzata.
Il-Ministri anki se jissikkaw miżuri dwar iċ-ċaqliq ta’ armi tan-nar fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u jdahhlu sistemi aktar effettivi għall-ġbir tad-data relatata għall-passiġġieri li jaqbdu titjiriet interni. Miżura oħra tirrigwarda sistema li jagħlqu l-mezzi tal-finanzjament għal terroristi.
Kollox, intant, jiddependi mill-kooperazzjoni u qsim ta’ informazzjoni sigrieta bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, il-Ministru tal-Intern Ġermaniż Thomas de Maiziere sostna li hi biss bl-iskambju ta’ informazzjoni aħjar li l-Ewropa tista’ tikkumbatti lit-terroriżmu b’mod effettiv.
//= $special ?>