Internazzjonali

Allert kbir fi Brussell fost sigurtà intensiva

L-awtoritajiet fil-Belġju ffissaw l-ogħla livell ta’ allert għat-terroriżmu fir-reġjun ta’ Brussel, bil-Prim Ministru Belġjan Charles Michel iħabbar sensiela ta’ prekawzjonijiet fil-kapitali u l-madwar.

Il-miżuri ta’ emerġenza jinkludu tnaqqis fil-programm ta’ avvenimenti kbar għall-pubbliku fi tmiem il-ġimgħa u żieda fis-sigurtà madwar il-mezzi tat-trasport pubbliku u b’mod partikolari fiz-zoni tal-metro. Żdiedet anki l-preżenza tal-pulizija u suldati madwar Brussell, waqt li twaqqaf hotline li jintuża miċ-ċittadini f’każ ta’ emerġenza. It-twissija għall-bqija tal-Belġju wkoll hi waħda serja għalkemm fuq livell anqas.

Il-Prim Ministru Michel qal li d-deċiżjoni ttieħdet biex il-pajjiż jevita l-istraġi tal-ġimgħa l-oħra fi Franza fejn gruppi ta’ terroristi tal-ISIS qatlu 130 persuna u ferew għexieren oħra waqt sensiela ta’ attakki sistematiċi. Uħud minn dawk it-terroristi kienu jgħixu fi Brussell u bħalissa għaddejja tfittxija kbira għal suspettat bl-isem Salah Abdeslam li jaħsbu kien involut fl-attakki ta’ Pariġi u li mifhum li rritorna l-Belġju.

Il-metro ta’ Brussell kellu jibqa’ magħluq sakemm is-sitwazzjoni tkun irreveduta. Sadanittant, in-nies huma infurmati biex ma jmorrux f’postijiet iffullati li jinkludu ċentri kummerċjali, stadiums u swali għall-kunċerti. L-awtoritajiet irrakkmandaw ukoll li jieqfu l-kampjonati ewlenin tal-futbol fil-Belġju.

Fl-aħħar sigħat, raġel Belġjan ta’ dixxendenza Marokkina spiċċa arrestat ġo lukanda f’Antalya, fit-Turkija. Miegħu kienu arrestati żewġ suspettati oħra b’konnesjoni mat-terroriżmu. Jaħsbu li r-raġel ta’ nisel Marokkin kellu l-kuntatti mas-suspettati responsabbli mill-istraġi ta’ Pariġi, meta l-awtoritajiet Belġjani, s’issa, akkużaw tliet persuni dwar sehem fl-attakki terroristiċi tal-ġimgħa l-oħra fi Franza.

Ir-raġel inkwistjoni kien wasal it-Turkija mill-Olanda fl-14 ta’ Novembru u m’hemm l-ebda provi li l-awtoritajiet fil-Belġju wissew lit-Torok dwaru. Intant, ma kien hemm xejn xi jwaqqaf lil dan is-suspettat milli jidħol fit-Turkija.

Franza għadha għaddejja bil-kaċċa intensiva għal Salah Abdeslam li kien kera waħda mill-karozzi li ntużat fl-attakki qattiela ta’ jiem ilu fiċ-ċentru ta’ Pariġi.

Intant, l-istampa fi Franza rrappurtat li disa’ militanti wettqu l-attakki f’pajjiżhom u li kienu nqatlu seba’ fil-lejl tat-13 ta’ Novembru meta t-terrur laqat iċ-ċentru tal-kapitali Franċiża. B’hekk hemm possibbiltà li hemm aggressur ieħor, minbarra Salah Abdeslam, li għadu jiġri ħieles.

L-investigaturi jissuspettaw li t-terroristi ta’ Pariġi użaw djar bħala refuġju fl-inħawi ta’ Saint-Denis, Bobigny u Alfortville, fir-reġjun ta’ Pariġi. Iżda mhux ċar meta l-grupp kien iltaqa’ biex jibda l-attakki fi Franza, b’elementi oħra tal-kumplott terroristiku jibqgħu miftuħin għal kull interpretazzjoni.