Il-qawwiet tas-sigurtà fil-Mali qed ifittxu tliet suspettati b’konnessjoni mal-attakk ta’ nhar il-Ġimgħa fuq lukanda ewlenija f’Bamako, fejn inqatlu 19 il-persuna u żewġ militanti li wettqu l-azzjoni terroristika.
Il-qawwiet tas-sigurtà, nhar il-Ġimgħa, assedjaw il-Lukanda Radisson Blue u ħelsu għexieren ta’ ostaġġi, iżda kien tard bil-lejl li l-awtoritajiet setgħu jgħidu li s-sitwazzjoni inġiebet taħt kontroll.
Il-grupp Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku u l-affiljat tiegħu bl-isem al-Murabitoun ħadu responsabbiltà għall-attakk f’Bamako. Sadanittant, il-President tal-Mali, Ibrahim Boubacar Keita, iddikjara stat ta’ emerġenza u tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali.
Fl-attakk fuq il-lukanda nqatlu uffiċjal tal-Parlament mill-Belġju flimkien ma’ numru ta’ Ċiniżi u Russi u ċittadin Amerikan.
L-aggressuri li daħlu fil-lukanda kienu faqgħu ħajt tas-sigurtà b’vettura fost sparar kontinwu. Maż-żmien intervjenew fil-kriżi l-militar tal-Mali u qawwiet tas-sigurtà speċjali Franċiżi, flimkien ma’ membri tas-servizzi Amerikani. Dawn l-elementi ħadu sehem fl-assedju fuq il-lukanda fejn salvaw l-ostaġġi u eliminaw it-theddida, wara sigħat sħaħ ta’ tensjoni u inċertezza.
Mhux ċar jekk is-suspettati li qegħdin ifittxu l-qawwiet tas-sigurtà tal-Mali kellhomx sehem dirett fl-attakk fuq il-lukanda inkella humiex kompliċi tat-terroristi.
Mhux magħruf l-ammont eżatt ta’ aggressuri li daħlu jisparaw fil-lukanda. Skont ix-xhieda, madwar 13 il-raġel armat kienu daħlu fil-lukanda fost ħafna għajjat bl-Għarbi, iżda kelliema għall-kumpannija li qed tmexxi l-lukanda qalu li ‘t-terroristi kienu tnejn’.
//= $special ?>