Internazzjonali

Obama jaċċenna għall-kriżi globali tar-refuġjati waqt żjara fil-Malasja

Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama żar ċentru għar-refuġjati fil-Malasja biex jenfasizza appell li l-Istati Uniti għandha tifhem u tapprezza l-kriżi globali tal-immigranti. Dan waqt li r-Repubblikani f’Washington qed jippruvaw jevitaw sitwazzjoni fejn l-Istati Uniti taċċetta eluf ta’ refuġjati mis-Sirja.

Obama, li kien qed iżur id-Dignity for Children Foundation fi Kuala Lumpur, iltaqa’ ma’ diversi tfal u sostna li ‘wiċċhom hu l-istess bħat-tfal li qed ibatu u li ġejjin mis-Sirja u l-Iraq’. Ħafna mit-tfal f’dan iċ-ċentru huma Musulmani mill-komunità Rohingya li ħarbu l-persekuzzjoni fi Myanmar.

Iż-żjara ta’ Obama f’dan iċ-ċentru saret ġimgħa wara l-attakki tat-terroristi tal-ISIS f’Pariġi u meta llum hemm dibattitu jaħraq dwar il-pjan tal-President biex, is-sena d-dieħla, idaħħal ‘il fuq minn 10,000 refuġjat Sirjan fl-Istati Uniti.

Id-deputati parlamentari fl-Istati Uniti ħeġġew lil Obama biex jiffriża jew iwaqqaf għal kollox dan il-programm, fost l-inkwiet li l-proċess jista’ jirriżulta fl-infiltrazzjoni ta’ militanti li kapaċi jwettqu attakki ‘fuq l-istess stil ta’ Pariġi’ fl-ibliet Amerikani.

Min-naħa tiegħu, Obama jinsisti li l-proċess tas-screening għar-refuġjati li, possibbilment, jistgħu jsibu dar fl-Istati Uniti hu wieħed dettaljat u jitmexxa b’serjetà kbira. Il-President Amerikan, intant, sostna li ‘l-Istati Uniti ma tasalx għal deċiżjonijiet li jibbażaw fuq l-isterja jew xi element esaġerat ta’ sogru’.

Il-President tal-Istati Uniti qal li waħda mir-raġunijiet għalfejn żar iċ-ċentru tar-refuġjati fi Kuala Lumpur hu għaliex id-dinja qed tara sitwazzjonijiet li pproduċew numru bla preċedent ta’ refuġjati. Hu kompla li l-Istati Uniti għandha taddotta rwol ta’ protagonista fiċ-ċirkostanzi.