Iċ-ċavetta għat-trasformazzjoni fil-PN hi li aktar nies LGBTIQ jidħlu fil-PN
Ir-risposta għall-mistoqsija jekk persuni LGBTIQ għandhomx post fil-Partit Nazzjonalista hi ċara, iva. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt seminar organizzat mis-Sotto Kumitat tal-Orjentazzjoni Sesswali u l-Identità tal-Ġeneru fi ħdan il-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista.
Matul is-seminar li sar fid-Dar Ċentrali, Simon Busuttil saħaq li ċ-ċavetta għat-trasformazzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi li aktar persuni mill-komunità LGBTIQ jidħlu fil-Partit Nazzjonalista u jbiddluh. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stieden persuni LGBTIQ biex jidħu fil-Partit Nazzjonalista u jagħtu s-sehem tagħhom biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jiġi trasformat.
Il-komunità LGBTIQ hi parti mis-soċjetà u l-PN għandu jkollu policy onesta u ċara
Simon Busuttil qal li fl-istorja riċenti tiegħu, il-Partit Nazzjonalista wettaq numru ta’ passi ‛il quddiem biex tkun eliminata d-diskriminazzjoni permezz ta’ liġijiet tal-Unjoni Ewropea, madanakollu ma sarux passi biżżejjed.
Fl-indirizz tiegħu, Simon Busuttil għamel referenza għall-vot dwar il-liġi tal-Unjoni Ċivili. Qal li s-sentiment maġġoritarju fil-Partit Nazzjonalista kien li l-Oppożizzjoni kellha tivvota kontra u kienet minoranza li riedet li l-Oppożizzjoni tivvota favur.
Filwaqt li rrikonoxxa li dan huwa “sigriet miftuħ”, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li l-vot dwar il-liġi tal-Unjoni Ċivili issa hija ‛storja’ u kapitlu li ‛issa qiegħed warajna’, filwaqt li fakkar li aktar tard l-Oppożizzjoni vvutat favur liġijiet oħra, bħal-liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru. Dan kollu jirrifletti t-trasformazzjoni li qed issir fil-Partit Nazzjonalista, saħaq Simon Busuttil.
M’għandix problema li fis-sistema edukattiva ngħallmu dwar forom differenti ta’ familja
Simon Busuttil qal li ma jsib l-ebda diffikultà li fis-sistema edukattiva jkun hemm tagħlim dwar il-komunità LGBTIQ u l-forom differenti ta’ familja. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal dan fid-dawl tal-kwistjoni dwar il-kotba li kienu se jiġu ntrodotti fl-iskejjel.
Simon Busuttil spjega li ċertu tibdil fis-soċjetà għandu jsir b’mod intelliġenti għax jekk xi ħaġa ssir b’mod li s-soċjetà tħoss li qed tiġi imposta, jinħolqu ċertu diffikultajiet.
//= $special ?>