Internazzjonali

Tiġrif fatali ta’ ħelikopter fi New Zealand

L-awtoritajiet fi New Zealand qed jaħsbu li sitt turisti – erba’ Britanniċi u żewġ Awstraljani – tilfu ħajjithom fit-tiġrif ta’ ħelikopter li baqa’ nieżel direttament għal ġo ħofra qalb is-silġ f’zona magħrufa bħala Fox Glacier, li tinsab fuq South Island.

L-inħawi remoti fejn seħħet it-traġedja hi popolari mat-turisti u l-iskwadri għall-emerġenza li waslu fis-sit aktar tard bil-ħelikopters ma sabu l-ebda indikazzjonijiet li salva xi ħadd fit-tiġrif.

Ingħad li l-ħelikopter inkwistjoni, tat-tip Eurocopter ‘Squirrel’, kien ta’ kumpannija lokali li tieħu ħsieb il-vjaġġi lejn South Island u l-madwar.

Sadanittant, il-ħidma tal-awtoritajiet biex jirkupraw il-katavri kienet imfixkla mill-maltemp u għandha tkompli għada. L-investigazzjoni formali tal-mejtin għandha ddum iż-żmien, bl-awtoritajiet qed jinvestigaw il-kaġun tat-traġedja.