Internazzjonali

Tirritorna l-Ebola fil-Liberja

Il-Liberja kkonfermat tliet każi ġodda tal-Ebola xahrejn biss wara li dan il-pajjiż Afrikan kien iddikjarat ħieles mill-virus qattiel.

Il-Ministeru tas-Saħħa f’Monrovia qal li l-ewwel każ ‘pożittiv’ kien ikkonfermat jiem ilu mill-kampjuni tad-demm ta’ pazjent li kien iddaħħal l-isptar fil-kapitali.

Żewġ persuni oħra wkoll ittestjaw pożittiv għall-Ebola u t-tliet pazjenti jinsabu rikoverati f’ċentru speċjali fil-qalba ta’ Monrovia.

Kelliema għall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) sostnew li ‘l fuq minn 40 ‘kuntatt’ huma taħt sorveljanza u hemm il-possibbiltà li jfeġġu każi ġodda tal-Ebola fil-Liberja.