Internazzjonali

Żviluppi fil-Gwerra kontra t-Terrur

• Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta, unanimament, riżoluzzjoni biex il-pajjiżi ‘jirduppjaw’ l-azzjonijiet kontra l-ISIS wara l-aħħar attakki terroristiċi f’Pariġi. Id-dokument li ressqet Franza jesiġi biex l-Istati membri tan-NU jieħdu kull miżura neċessarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Ir-riżoluzzjoni, fl-istess ħin, tikkundanna l-attakki terroristiċi riċenti mill-militanti tal-ISIS f’Sousse, fit-Tuneżija u f’Ankara, fit-Turkija. Id-dokument jitlob lill-pajjiżi biex ‘jikkumbattu bil-mezzi kollha din it-theddida bla preċedent mill-ISIS’ u li llum hemm ħtieġa għall-azzjoni aktar milli awtorizzazzjoni legali ‘li tippermetti għall-miżuri neċessarji’. Franza diġà qed tmexxi attakki mill-ajru kontra l-ISIS fis-Sirja u tiġġustifika l-azzjoni militari bħala ‘waħda li għandha tkompli minħabba d-dritt tal-pajjiżi li jiddefendu ruħhom kontra t-terroristi’;

• Il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron se jiltaqa’, nhar it-Tnejn, mal-President ta’ Franza Francois Hollande, biex jiddiskuti l-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu. Il-laqgħa se ssir f’Pariġi fejn Cameron u Hollande għandhom jiddiskutu l-aħjar mezzi ta’ kooperazzjoni fil-miżuri anti-terroristiċi u kif se jmexxu l-ġlieda kontra t-terroristi tal-ISIS fis-Sirja u l-Iraq. Cameron kien fost l-ewwel li faħħar ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tintensifika l-azzjonijiet kontra l-ISIS. Sadanittant, il-laqgħa bejnu u Hollande f’Pariġi tiftaħ għal ġimgħa ta’ diplomazija fejn il-President Franċiż jiltaqa’ wkoll mal-President tar-Russja Vladimir Putin, il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel u l-President tal-Istati Uniti Barack Obama;

• Il-Pulizija f’Pariġi ħelset seba’ persuni li kienu arrestati fir-rejd ta’ jiem ilu fuq appartament ġo Saint-Denis, sobborg tal-kapitali, fejn kien hemm mistoħbi l-kap suspettat tat-terroristi tal-ISIS li ġabu straġi u mewt fit-toroq tal-kapitali Franċiża. Il-kap, Abdelhamid Abaaoud, inqatel fir-rejd u r-raġel li kien kera l-appartament lis-suspettati, bħalissa, qed jinżamm mill-awtoritajiet;

• Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qal li jrid kooperazzjoni globali biex jikkumbatti lit-terroriżmu wara l-attakki ta’ Pariġi u wara t-terrur ta’ nhar il-Ġimgħa fil-lukanda ta’ Mali. Putin jidher li qed jirranka għal azzjoni aktar determinata wara li, aktar kmieni fil-ġimgħa, wiegħed li jfittex u jsib lit-terroristi responsabbli mill-qerda ta’ ajruplan Russu fil-penisola tas-Sinai, fl-Eġittu, fejn mietu 224 persuna. Il-Kremlin ta’ Moska kkonkluda li l-ajruplan inqered minn bomba, bir-Russja, fl-aħħar jiem, iżżid l-attakki mill-ajru fuq il-militanti fis-Sirja.