Lokali

Ritratti u filmat: Destiny trebbaħ lil Malta t-tieni Junior Eurovision

Destiny bi prestazzjoni mill-aqwa waqt il-Junior Eurovision

Malta rebħet għat-tieni darba l-Junior Eurovision Song Contest, meta lbieraħ, Destiny Chuckunyere rrappreżentat lil Malta bil-kanzunetta ‘Not My Soul’. B’185 punt, Malta klassifikat fl-ewwel post. Il-prestazzjoni ta’ Destiny ntlaqgħet tajjeb ħafna waqt il-festival (filmat isfel).

Fil-festival, li din is-sena sar f’Sofia, il-kapitali tal-Bulgarjia, l-Armenia klassifikat fit-tieni post f’176 punt u fit-tielet post l-Islovenia b’112 punt.

Din hi t-tieni darba fi tlett snin li Malta rebħet il-Junior Eurovision. L-ewwel darba li Malta kisbet riżultat bħal dan kien fl-2013, permezz tal-kantanta Gaia Cauchi. Fl-2014 u fl-2008 inkiseb it-tieni l-aqwa riżultat għal Malta meta klassifikat fir-raba’ post.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista feraħ lil Destiny Chukunyere għas-suċċess li għamlet bir-rebħ tal-Junior Eurovision. It-tbissima kontinwa u t-talent qawwi ta’ Destiny ma ħallew ebda għażla lill-ġurija u lit-telespettaturi biex jagħżlu lir-rappreżentanta Maltija bħala r-rebbieħa tal-konkors wara interpretazzjoni stupenda tal-kanzunetta ‘Not My Soul’, żied il-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil diġa’ għamel kuntatt mal-familja Chukunyere u ferħilha b’mod personali għal dan is-suċċess. Anke l-Partit Laburista feraħ lil Destiny u qal li din ir-rebħa tikkonferma t-talent f’Malta.

Ritratt: Destiny waqt il-finali tal-Junior Eurovision

Filmat: Destiny waqt il-Junior Eurovision