Internazzjonali

Franza imħassba ħafna dwar l-ISIS fil-Libja

Jean-Yves Le Drian, il-Ministru tad-Difiża Franċiż , qal li l-gruppi armati fil-Libja litteralment se jkunu qed jagħmlu suwiċidju jekk ma jiqfux jiġġieldu kontra xulxin u jibdew jikkonfrontaw l-ISIS fil-pajjiż.
Le Drian qal li hu kien imħasseb ħafna dwar il-preżenza tal-ISIS fil-Libja waqt intervista l-Ħadd mal-istazzjon tar-radju Europe 1.
Hu qal li l-ISIS fil-Libja kienet issaħħet għaliex qed tapprofitta mit-tilwim intern. Il-Ministru tad-Difiża Franċiż qal li kieku dawn il-gruppi avversarji ta’ ġellieda fil-Libja jingħaqdu flimkien, l-ISIS tgħib mil-Libja.
Hu ppropona summit internazzjonali li jiġbor fih il-pajjiżi ġirien tal-Libja ħalli kemm jista’ jkun malajr jintlaħaq ftehim politiku għal-Libja.
Le Drian qal li s-sitwazzjoni fil-Libja kienet waħda ta’ emerġenza u fakkar li dan il-pajjiż kien ġar tat-Tuneżija u l-Eġittu kif ukoll l-Alġerija, in-Niġer u ċ-Chad li kollha kienu effettwati minn dak li qed jiġri fil-Libja.
Le Drian qal li fl-ibħra barra mil-Libja kien hemm bastiment tal-gwerra Franċiż kif ukoll oħrajn mill-Belġju, ir-Renju Unit u l-Ġermanja biex irażżnu l-immigrazzjoni illegali fil-Mediterran.