Mijiet jilqgħu lil Destiny mal-wasla lura f’Malta
Destiny Chuckunyere ngħatat merħba mill-isbaħ minn mijiet ta’ Maltin li nġabru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex jagħtu merħba lill-kantanta Maltija mal-wasla tagħha f’Malta.
Is-Sibt filgħaxija, Destiny rebbħet lil pajjiżna t-tieni Junior Eurovision Song Contest, meta bil-kanzunetta ‘Not My Soul’, hi rnexxielha tikkonvinċi lill-eluf ta’ persuni madwar l-Ewropa li vvutaw bi ħġarhom għall-kanzunetta Maltija.
Il-kanzunetta “Not My Soul” għamlet unur lill-pajjiżna meta b’185 punt. Fit-tieni post klassifikat l-Armenia.
Fl-ewwel kummenti tagħha lill-media mal-wasla tagħha fl-ajruport, Destiny rringrazzjat lill-poplu Malti u Għawdxi kollu kif ukoll lit-tim tagħha li mingħajrhom dan ir-riżultat żgur li ma kienx ikun. Hi qalet li issa, minn hawn ‘il quddiem tħares ‘il quddiem.
Din hi t-tieni darba fi tlett snin li Malta rebħet il-Junior Eurovision. Fl-2013, Malta rebħet permezz tal-kantanta Gaia Cauchi. Din is-sena, Destiny Chuckunyere ġabet l-istess unur lejn pajjiżna.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista feraħ lil Destiny Chukunyere għas-suċċess li għamlet bir-rebħ tal-Junior Eurovision. It-tbissima kontinwa u t-talent qawwi ta’ Destiny ma ħallew ebda għażla lill-ġurija u lit-telespettaturi biex jagħżlu lir-rappreżentanta Maltija bħala r-rebbieħa tal-konkors wara interpretazzjoni stupenda tal-kanzunetta ‘Not My Soul’, żied il-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil diġa’ għamel kuntatt mal-familja Chukunyere u ferħilha b’mod personali għal dan is-suċċess. Anke l-Partit Laburista feraħ lil Destiny u qal li din ir-rebħa tikkonferma t-talent f’Malta.
//= $special ?>