“Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista diġa’ appoġġja lill-Gvern meta, minħabba l-avvenimenti tas-Summit tal-Unjoni Ewropea u taċ-CHOGM, daħħal kontrolli temporanji fil-fruntieri Maltin, dan ma jfissirx li eċċezzjoni għandha ssir ir-regola”. Hekk saħaq fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija meta rrefera għad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat li se jżomm is-sospensjoni tax-Schengen minn pajjiżna anke wara l-laqgħa taċ-CHOGM.
It-tneħħija tal-kontrolli bejn il-fruntieri Maltin u l-pajjiżi Ewropew kienet kisba importanti fl-2008 u saret wara ħidma kbira sabiex tissaħħaħ is-sigurta’ ta’ pajjiżna. Din il-kisba fissret liberta’ assoluta għall-poplu Malti li jivvjaġġa lejn pajjiżi oħra Ewropej bla kontrolli ta’ xejn, saħansitra bla kontrolli ta’ passaporti – kisba li l-poplu m’għandux jitlef b’kapriċċm saħaq il-Partit Nazzjonalista.
Jekk il-Prim Ministru jrid isaħħaħ is-sigurta’ f’pajjiżna m’għandux jibda billi jneħħi d-drittijiet tal-poplu Malti iżda billi jagħmel xogħlu bis-serjeta’.
Il-Partit Nazzjonalista spjega li fl-ewwel lok imissu joqgħod attent kif jagħti l-visas lil barranin biex jidħlu f’pajjiżna u kif jagħti l-permessi ta’ residenza. Matul is-sena li għaddiet biss, Joseph Muscat ħareġ 14,000 permess ta’ residenza f’sena waħda biss – aktar minn kemm ġew immigranti f’pajjiżna f’għaxar snin sħaħ. Terġa, f’sena w nofs, Joseph Muscat ħareġ 7,000 visa lil ċittadini Alġerini biex jidħlu Malta u ħadd ma jaf x’sar minnhom. Kemm fil-ħruġ ta’ visas kif ukoll fil-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza lil barranin hemm allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, li wħud minnhom diġa’ waslu l-Qorti. Huma dawn in-nuqqasijiet tal-Gvern ta’ Muscat il-vera theddida għas-sigurta’ ta’ pajjiżna.
L-istqarrija ttemm tgħid li jekk Joseph Muscat iżomm is-sospensjoni tal-ftehim ta’ Schengen b’mod indefinit wara l-laqgħa taċ-CHOGM, għandu jkollu ġustifikazzjoni serja. Inkella kull ma jkun qed jagħmel ikun li jreġġa’ lura drittijiet importanti li l-poplu kiseb grazzi għal sħubija fl-Unjoni Ewroea – u mhux grazzi għal Joseph Muscat. U l-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lil Joseph Muscat ireġġa’ lura d-drittijiet li ksibna fl-Ewropa.
//= $special ?>