Lokali

L-eks-Kap Eżekuttiv tal-MIA eżonerat mill-akkużi kollha kontrih

Markus Klaushofer, l-eks-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ġie eżonerat mill-Qorti Awstrijaka għall-akkużi kollha li kien qed jiffaċċja.

Iktar kmieni din is-sena sar magħruf li Klaushofer irrifjuta €400,000 f’kumpens għat-tkeċċija tiegħu mill-MIA u nsista li t-tkeċċija tiegħu kienet inġusta. Kien qed jiċħad ukoll l-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, li għadda xi informazzjoni riservata tal-kumpanija lil partijiet terzi u li, fost l-oħrajn, xtara arloġġ minn ħanut fl-ajruport bi prezz irħas mill-valur intrinsiku tiegħu.

F’deċiżjoni ċara mill-Prosekutur ta’ Vjenna, it-talba ta’ Vienna International Airport, li hu azzjonista tal-Malta International Airport, ġiet miċħuda. B’hekk, il-Prosekutur ta’ Vjenna ddeċieda li Klaushofer ma aġġixxiex b’mod skorrett u llibera lil Klaushofer minn kull akkuża.

B’hekk, l-eks-Kap Eżekuttiv tal-MIA għandu biss kawża oħra miftuħa kontra l-MIA u l-ajruport ta’ Vjenna, quddiem it-Tribunal Industrijali ta’ Malta u ta’ Vjenna għat-tkeċċija tiegħu.

Klaushofer għamel diversi allegazzjonijiet serji, u potenzjalment kriminali, kontra membri tal-bord maniġerjali taż-żewġ ajruporti. Hu mistenni li dawn l-allegazzjonijiet jiġu investigati hekk kif ikomplu l-proċeduri miftuħa minn Klaushofer kontra dawk li kienu jimpjegawh.