Lokali

Simon Busuttil jisfida lil Muscat biex jieħu passi kontra Joe Debono Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sfida lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jieħu passi kontra d-Deputat Laburista Joe Debono Grech wara li fis-seduta Parlamentari tal-Ġimgħa, hedded u intimida lid-Deputat Marlene Farrugia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal dan waqt intervista li saret fuq Radio 101 il-Ħadd filgħodu.

Simon Busuttil qal li l-Moviment ta’ Joseph Muscat kompla jixxaqqaq u r-raġuni għal dan hija ċara: qed jixxaqqaq għax kien mibni fuq it tafal u r-ramel, u bla pedament sod.

Simon Busuttil spjega wkoll għalfejn Marlene Farrugia rriżenjat mill-Partit Laburista fost ir-raġunijiet: Marlene Farrugia qalet li hemm numru ta’ Deputati Laburisti mbeżżgħin milli jitkellmu. Raġuni oħra hi li Marlene Farrugia qalet li hemm deputati li m’humiex jaqblu mal-mod kif qed imexxi Muscat li qed jagħmel il-maqlub ta’ li wiegħed, b’ħafna ħabi anke mid-Deputati tiegħu stess li ċerti affarijiet isiru jafuhom meta tikxifhom il-media.

Simon Busuttil sostna wkoll li l-Oppożizzjoni se tkompli tinsisti biex tingħata ż-żewġ siġġijiet li jistħoqqilha fil-Parlament, u dan minkejja l-ostakli u t-tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-Gvern fil-proċess tal-Qorti.

Fl-intervista, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għat-terroriżmu u l-attakki f’Pariġi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella lill-Gvern Malti biex quddiem it-terroriżmu jkun serju u jgħid il-verita’. Idan filwaqt li semma numru ta’ eżempji fejn il-Gvern, flok inaqqas ir-riskji qed iżidhom, fosthom l-abbuż fil-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza lill-Libjani u l-ħruġ ta’ visas lill-Alġerini.

Simon Busuttil tkellem wkoll dwar it-talba li għamlet l-Oppożizzjoni lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-iskandlu tal-visas lill-Alġerini.

“Għandna Prim Ministru li qed toħroġ l-ipokresija politika tiegħu anki hawn. Mela dan fuq naħa jilgħabha tal-pampalun kontra l-immigrazzjoni, fuq in-naħa l-oħra fetaħ il-bieb beraħ għall-akbar influss ta’ barranin li qatt kellna f’pajjiżna,”

Fi tmiem l-intervista, Simon Busuttil qal li hemm mod ieħor kif issir il-politika, dak li tiżgura’ s-sigurta’ tan-nies, li b’mod nadif ma tidħolx f’korruzzjoni.