Nofs l-ibħra Maltin għandhom importanza internazzjonali għall-għasafar. Dan ħabbritu llum BirdLife Malta, waqt konferenza internazzjonali f’Għawdex dwar il-konservazzjoni tal-ħajja marittima. Fil-konferenza ġew ippreżentati r-riżultati tal-Proġett Malti dwar l-Għasafar tal-Baħar, iffinanzjat minn Life+ tal-UE.
Iż-Żoni Importanti għall-Għasafar li għadhom kemm ġew identifikati fl-ibħra Maltin, issa qegħdin jiġu kkunsidrati mill-gvern ta’ Malta, li hu wieħed mill-imsieħba fil-proġett, sabiex jiġu ddikjarati bħala ‘Żoni Marittimi ta’ Protezzjoni Speċjali’. Meta dan iseħħ, dawn is-siti jibdew jagħtu ħarsien legali lin-natura li jsostnu, kif isir permezz tar-riservi naturali fuq l-art.
Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, Affarijiet Marittimi u Sajd, is-Sur Karmenu Vella, indirizza l-konferenza permezz ta’ video link. Huwa laqa’ bil-ferħ l-aħbar bħala kontribuzzjoni importanti għall-ħarsien tan-natura fl-Ewropa.
“Is-siti ta’ Natura 2000 huma ċ-ċentru tal-leġislazzjoni Ewropea dwar in-natura, u qegħdin jgħinu l-isforzi tagħna biex inwaqqfu t-telf tal-biodiversità. Bħalissa, inqas minn 2% tal-ibħra qrib ix-xtut tal-UE jiffurmaw parti mix-xibka ta’ Natura 2000, li biex tilħaq il-milja tal-potenzjal tagħha teħtieġ ħafna aktar siti fil-baħar. Għalhekk inħossni kuntent ħafna meta nara l-kollaborazzjoni mill-qrib bejn BirdLife Malta u l-Ministeru Malti għall-Ambjent.
Qiegħed nistenna bil-ħerqa li nirċievi notifika uffiċċjali minn Malta dwar il-ħolqien taż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali,” qal il-Kummissarju Vella.
Nicholas Barbara, Maniġer għall-Konservazzjoni ma’ BirdLife Malta, qal, “F’Malta jinstabu popolazzjonijiet ta’ għasafar tal-baħar li huma globalment importanti, u sabiex nipproteġu aħjar dawn l-għasafar li jqattgħu l-biċċa l-kbira ta’ ħajjithom fuq il-baħar, irridu nipproteġu ż-żoni fil-baħar li jużaw, flimkien mal-postijiet fuq l-art fejn ibejtu.”
“Dan hu pass importanti għall-kontribuzzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-ħarsien tal-għasafar tal-baħar, u li għandu jagħmilna lkoll kburin” kompla jgħid Barbara.
//= $special ?>