Internazzjonali

Cameron irid li pajjiżu jissieħeb fl-attakki fuq l-ISIS

epa05038173 French president Francois Hollande (L) greets British Prime Minister David Cameron (R) as he arrives for a meeting at the Elysee Palace in Paris, France, 23 November 2015. Hollande and Cameron are meeting to discuss Britain's involvement in the coalition strikes against ISIS in Syria. EPA/IAN LANGSDON

Il-Prim Ministru Britanniku David Cameron hu ‘konvint’ li r-Renju Unit għandu jwettaq attakki mill-ajru fis-Sirja u jipprovdi spalla għal Franza u sieħba oħrajn involuti fl-azzjonijiet militari kontra l-ISIS fl-artijiet Sirjani.
Meta tkellem f’Pariġi t-Tnejn, fil-preżenza tal-President Franċiż Francois Hollande, Cameron qal li offra lil Franza biex tagħmel użu minn bażi tal-ajru f’Ċipru għall-attakki kontra l-ISIS.
David Cameron sostna li, din il-ġimgħa, għandu jressaq strateġija komprensiva għal kontra l-ISIS quddiem il-Parlament ta’ Londra. Fl-istess ħin, hu qal li jappoġġja bis-sħiħ l-azzjonijiet ta’ Hollande kontra l-ISIS fis-Sirja ‘u jemmen b’mod assolut li r-Renju Unit għandu jagħmel l-istess’.
Intant, id-deċiżjoni partikolari trid tittieħed mill-Parlament Britanniku u Cameron jemmen li l-attakki terroristiċi ta’ dan ix-xahar li qatlu 130 persuna f’Pariġi se ‘jipperswadu’ lill-Parlament tiegħu biex jappoġġja l-attakki fuq l-ISIS fis-Sirja.
David Cameron anki beħsiebu jżid l-isforzi lejn skambju ta’ informazzjoni sigrieta ma’ Franza u sieħba Ewropej oħrajn. Min-naħa tiegħu, Francois Hollande qal li Franza qed taħseb biex tintensifika l-attakki mill-ajru kontra miri tal-ISIS fis-Sirja. Dan meta l-aircraft carrier ‘Charles de Gaulle’ ta’ Franza, ilbieraħ, kien għaddej bl-aħħar tħejjijiet biex jappoġġja dawn l-attakki.