ELSA Malta appellat biex, fid-dawl tal-inċident li seħħ f’Paceville iktar kmieni dan ix-xahar, isir infurzar tar-regoli eżistenti marbuta mas-saħħa u s-sigurtà, jinbidlu regolamenti li mhumiex adegwati u jiddaħħlu oħrajn ġodda, u jsir proċess ta’ konsultazzjoni bis-sehem taż-żgħażagħ dwar modi moderni kif għandha tiġi indirizzata l-illegalità.
L-għaqda tal-istudenti tal-liġi qalet li l-inċident li seħħ f’Paceville juri li l-implimentazzjoni tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà mhix adegwata u li jekk dawn ma jiġux infurzati, jistgħu jseħħu iktar traġedji.
Semmiet, fost l-oħrajn, il-mod kif il-gwardjani tas-sigurtà tal-klabb involut ma vverifikawx b’mod tajjeb l-etajiet ta’ dawk li daħlu fil-klabb, u l-ħtieġa ta’ infurzar biex uffiċjali tas-sigurtà jagħmlu dak li hu fi dmirhom. ELSA Malta appellat ukoll biex ikun hemm iktar spezzjonijiet minn pulizija pajżana.
Irreferiet ukoll għall-ħruġ t’emerġenza u n-nuqqas ta’ ippjanar adegwat tiegħu. Spjegat li l-awtorità kompetenti għandha tara li dawn l-istabbilimenti jkunu konformi mar-regolamenti dwar l-istabbilimenti tal-catering biex, f’każ ta’ emerġenza, il-persuni fuq ġewwa jkunu jistgħu jevakwaw ruħhom għal spazju miftuħ jew fit-triq. Appellat ukoll lill-awtorità kompetenti biex, bi spezzjonijiet, tassigura li dawn il-ħruġ t’emerġenza jibqgħu jistgħu jintużaw matul is-snin.
Ikkummentat ukoll li mill-inċident f’Paceville joħroġ li f’Malta hawn nuqqas ta’ għarfien u taħriġ dwar il-mod ta’ kif wieħed għandu jaġixxi f’każ ta’ inċidenti simili, għalhekk ħeġġet iktar edukazzjoni u taħriġ.
//= $special ?>