Lokali

Filmat: “Spiċċa ż-żmien tal-firda bejn l-istudenti” – Luke Muscat

Kliem il-President tal-Għaqda Studenti Demokristjani Luke Muscat fl-ewwel ġurnata skolastika wara li sar magħruf li l-SDM rebħet mill-ġdid il-fiduċja tal-istudenti tal-Junior College li eleġġew lill-kandidati kollha tal-SDM, sebgħa, biex imexxu l-Kunsill Studenti Junior College.

Dan ifisser li s-SDM se tirrapreżenta l-Junior College għar-raba’ sena konsekuttiva, bl-aħħar tliet elezzjonijiet din l-għaqda jirnexxielha teleġġi l-kandidati kollha; sebgħa.

Muscat qal li r-riżultat sodisfaċenti tal-SDM hu “vot ieħor ta’ fiduċja f’din l-għaqda” li issa hu u t-tim tiegħu iridu jħarsu lejh u jikkunsidrawh biex ikomplu jsaħħu l-ħidma tal-għaqda mill-qrib tal-istudenti.

Minn naħa tiegħu Keith Grima, li f’din l-elezzjoni ġie elett bħala President tal-Kunsill Studenti Junior College, qal li l-Kunsill ġdid se jkompli jibni fuq il-ħidma tal-Kunsill preċedenti, fost l-oħrajn l-isponsors li kiseb u l-proġetti li bidlu l-Junior College.

Intant dan ir-riżultat wassal ukoll għal bidla fir-rivali tal-SDM, Pulse, hekk kif is-Segretarju Ġenerali Joseph Masini ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-għaqda.