BLOGS

Għanqbuta Oppressata

Il-proċess ta’ konsolidar safa vittma tal-effett ta’ soċjetà li llum hija ossessjonata bl-istantjaniżmu, fejn dak kollu li jeżisti madwarna huwa biss fil-forma ta’ ‘google’. Mar-rivoluzzjoni ta’ kif naġixxu minħabba l-iżvilupp tal-internet, qegħdin nitilfu l-attenzjoni tagħna fuq dak kollu li huwa eżistenti madwarna, u litteralment, b’mod ġeneriku, ġabna limitati fl-immaġinazzjoni u l-kreattività għax kollox jinsab ‘lest’ għalina fl-apparti teknoloġiċi.

Meta kont qiegħed nirriċerka sabiex nikseb l-informazzjoni għal dan l-artiklu nnifsu, fhimt kemm jiena wkoll ninsab maqbud f’din l-għanqbuta stretta ta’ dinja li tagħtik kollox ‘issa’ u ‘malajr’, ngħaddi minn studju għal ieħor, minn ħolqa għal oħra mingħajr ma nieqaf u naħkem l-attenzjoni speċifika għal mument. Madankollu, minkejja l-ġid bla għadd li din il-minjiera ta’ informazzjoni bl-għejun kollha tagħha tista’ tagħtik, u minkejja li diversi studju (aktarx mhux avvanzati żżejjed) għadhom ma identifikawx effetti severi fuq il-moħħ tal-bniedem li juża l-internet kontinwament per se, mhux l-istess jista’ jingħad għall-effetti li dan qiegħed iħalli fuq is-soċjetà, aktar u aktar il-ġenerezzjoni NET tal-lum.

Jidher li ż-żgħażagħ tagħna qegħdin jitilfu ħafna minħabba l-internet, mhux għax l-internet huwa ħażin, anzi huwa meravilja, imma għax l-internet qiegħed inaqqilhom l-umanità nnifisha. Għadd ta’ studji u dokumentarji li ta min joqgħod fuqhom kollha jinnutaw li l-effett tal-użu eċċessiv tal-internet (u llum aktarx l-eċċessiv saret in-norma) mhux qiegħed jagħti lok liż-żgħażagħ biex jiffantasizzaw (day dream), għaliex il-fantasija hija mixgħula kontinwament hemmhekk quddiemhom bla jintebħu bil-fantasija meraviljuża ta’ dak li jiċċirkundahom. Interessanti li t-telfa tal-fantasija qiegħda ġġib magħha t-telfa tas-sens empatiku u għaldaqstant, qegħdin imajnaw l-emozzjoni personali, l-awtoriflessjoni u r-riflessjoni fuq ta’ in-nies u l-ambjenti ta’ madwarna waqt li s-sens ta’ kollettività qiegħed jikkrolla. Għalhekk, l-internet donnu ħakimna u imminimizzana għal individwi fis-sens tal-kelma imma li fl-istess waqt jgħaqqadna lkoll flimkien kontinwament. Paradossi li mhux la kemm insibu tifsiriet għalihom.

Illum qegħdin nargumentaw li ma għandniex għaliex inħaddmu moħħna żżejjed meta kollox jinsab merfugħ għalina fl-apparat teknoloġiku. Illum għandna biss nitgħallmu kif nisserċjaw. Illum ma għandniex għaliex inkunu aktar formali għaliex 80% tar-relazzjonijiet bejn il-koppji qed jinbtu minn fuq l-‘online chats’…

Inqis dan il-perjodu fil-ġenerazzjoni li qed naraw telgħin b’similarità għal dak li b’mod stupend jippreżenta l-film klassiku ‘Modern Times’ ta’ Charles Chaplin, fejn jekk fil-perjodu tal-isplużjoni industrijali lill-bniedem iddeumanizzah u ġabu biss parti mill-makkinarju, deumanizzazzjoni kkontrollata minn qagħda kapitalista sfrenata, illum qed nesperjenzaw effetti aktarx simili għal kollox meta nikkunsidraw li ż-żgħażagħ tagħna donnhom maqbuda f’deumanizzazzjoni ta’ internett li jaħseb, jempatizza u jikkalkula għalihom mingħajr ma jintebħu li s-siġar huma ħodor, is-sema hija blu u s-sena għandha l-istaġuni tagħha, anke jekk in-natura hija wkoll makkinizzata u ssegwi proċess.

Il-bidu ta’ ‘Modern Times’ li rreferejt għalih hawnhekk, merħla bhejjem misjuqa f’passaġġ dejjaq, ristrett u nieqes mill-intellettawlità li mbagħad jinbidel f’xena similarizzità ta’ folla, ilkoll isegwu lil xulxin mingħajr ma jirrealizzaw x’għaddej mingħalihom, deher quddiemi hekk kif bħal ħafna minnkom rajt ix-xeni daqstant koroh tal-inċident sfortunat li seħħ ftit ġranet ilu f’diskoteka f’Paceville. Il-folla maqbuda, misjuqa li finalment żbroffat, aktarx tissimbolizza l-ġenerazzjoni li tielgħa; ġenerazzjoni frammentata f’soċjetà likwida u fluwida li skont is-soċjologu Bauman hija r-riżultat ta’ ‘individwaliżmu’ maqbud f’soċjetà.

Għalhekk, meta l-individwu jinħakem minn mument distint minn dak li huwa mtella’ fih, ma jagħrfux, ma jirreaġġix għalih u jixpakka… u jifdal biss biċċiet ta’ ħġieġ xpakkat wara żbroff mhux mistenni li jerġa’ jġib liż-żgħażagħ f’sensihom u jdewwaqhom ftit mis-sens ta’ empatija li aktarx kienu ilhom ma jtiegħmu.

Huma mumenti sfortunati bħal dawn, li jgħarrfuna li rridu nieqfu għal mument, nikkalmaw u naħsbu b’moħħna u mhux bil-‘google’. Aktar minn hekk, niffukaw fuq ħaġa waħda u nerġgħu nibdew ninnutaw li l-ħut jgħix fil-baħar u l-għasafar qed jittajru fis-sema. Jew qas dawk m’għadhom eżistenti u nqabdu wkoll f’din l-għanqbuta tal-libertà oppressata?

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal In-Nazzjon tat-Tnejn, 23 ta’ Novembru 2015.
Justin Schembri huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-8 distrett.