Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami appella lill-Gvern jiċċara u jgħid kemm hemm nies li daħlu f’pajjiżna b’passaporti foloz biex jaħdmu, u għalfejn il-Gvern hu tal-fehma li r-rapporti fil-media internazzjonali li qed isostnu li l-persuni li qed jinqabdu fi triqithom lejn Malta huma Ġiħadisti u li Malta hi d-destinazzjoni tal-gwerra tal-Ġiħad, huma kollha rapporti żbaljati.
Beppe Fenech Adami talab lill-Gvern jispjega dwar dan fil-Parlament wara li l-Ministru Carmelo Abela llejla għamel stqarrija ministerjali.
Appella lilll-Gvern biex b’obbligu jispjega dwar dan mingħajr ma jallarma, u dan biex ma ngħixux f’kontradizzjoni għaliex il-poplu qiegħed isegwi x’qed jiġi rappurtat internazzjonalmen.
Semma li għandna sitwazzjoni ta’ Gvern li jgħid li qed jiġu hawn biex jaħdmu u għalih dan xejn mhu xejn, u min-naħa l-oħra rapporti fil-gazzetti internazzjonali li jgħidu l-oppost.
B’risposta għal dak li qal Beppe Fenech Adami, il-Prim Ministru qal li d-dikjarazzjonijiet li jagħmel huma bbażati fuq l-informazzjoni li jgħaddu s-servizzi sigrieti Taljani lill-Gvern Malti.
Joseph Muscat qal li m’hawn l-ebda theddida għas-sigurtà ta’ pajjiżna u sostna li hi l-Oppożizzjoni li donnha tixtieq li jkun hawn xi theddid.
Il-Prim Ministru sostna li l-passaporti li kellhom il-persuni li kienu ġejjin Malta ma nkisbux minn Malta iżda nkisbu mill-Italja. Hu qal li ladarba jkunu akkwistaw passaport, dawn jiġu Malta u ladarba jiġu Malta ma jistgħux jinżammu.
Bis-sospensjoni tal-ftehim ta’ Schenghen, il-Gvern qed jiċċekkja l-identità tal-persuni li jiġu Malta u dan qed isir fl-interess tas-sigurtà tal-pajjiż.
Il-Prim Ministru sostna wkoll li mhux minnu li hu qal li s-Sirjani qed jiġu Malta biex ifittxu x-xogħol. Hu qal li dawn qed jiġu għax-xogħol u għall-ażil.
//= $special ?>