Għawdex Lokali Saħħa

Il-MAM issejjaħ għall-irtirar tal-Avviż Legali li jeżenta l-iżvilupp fl-Isptarijiet mill-proċeduri ta’ ppjanar

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) talbet biex ikun irtirat l-Avviż Legali li jeżenta proġetti ta’ żvilupp fl-isptarijiet mill-proċeduri normali ta’ ppjanar.

Filwaqt li laqgħet id-dikjarazzjoni tal-Gvern li dan l-Avviż Legali mhux se jkun użat fl-iżvilupp tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-MAM qed tinsisti li l-Avviż Legali ikun irtirat sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju fi proġetti oħrajn fil-futur.

Minbarra l-eżenzjoni fuq il-proċeduri ta’ ppjanar, il-Gvern daħħal ukoll eżenzjoni ġenerali mill-ħtieġa ta’ studju dwar l-impatt ambjentali ta’ kwalunkwe proġett fil-perimetru tal-isptarijiet.

L-Avviż Legali, li ddaħħal lejliet il-Festa ta’ Santa Marija f’Awwissu li għadda, qajjem suspetti li ddaħħal biex il-Gvern jaġevola lil Vitalis Global Healthcare li huwa l-konsorzju involut fil-privatizzazzjoni u l-iżvilupp tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar San Luqa.

Fl-aħħar ta’ Ottubru, l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni sabiex dan l-Avviż Legali jiġi rtirat.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irrefera għal dan l-Avviż Legali. Filwaqt li ma semmiex jekk l-Avviż Legali hux se jiġi irtirat jew le, Muscat ammetta li kien il-ħsieb li juża dan l-Avviż Legali fuq dawn il-proġett iżda il-kritika pubblika qawwija, wasslet biex il-Gvern jerġa’ jaħsibha.