Lokali Parlament

Joe Debono Grech għandu jikteb ittra ta’ apoloġija lil Marlene Farrugia

Id-Deputat Nazzjonalista Tony Abela appella lid-Deputat Laburista Joe Debono Grech jikteb ittra ta’ apoloġija lid-Deputat Marlene Farrugia għall-kliem “Niġi għalik u nifqgħek” li qal nhar il-Ġimgħa fil-Parlament.

Fl-ewwel diskors tiegħu ta’ din il-leġislatura fil-Parlament wara li l-ġimgħa li għaddiet kien elett f’elezzjoni każwali, Tony Abela appella biex minkejja d-differenzi fl-opinjonijiet politiċi, m’għandu jkun hemm xejn li jżomm milli d-deputati fil-Parlament ma jirrispettawx lil xulxin u ma jkunux ħbieb.

Fakkar li l-episodji li assista għalihom il-Parlament fakkruh fiż-żminijiet tal-eks-Ministru Lorry Sant, meta kienu ttieħdu miżuri ta’ sospensjoni.

Filwaqt li għamel analiżi tal-abbilitajet li hemm illum fil-Parlament fuq iż-żewġ naħat tal-gruppi politiċi, saħaq li ż-żewġ partiti għandhom ilaqqgħu flimkien l-element żagħżugħ tal-politiċi mal-esperjenza ta’ dawk li ilhom fil-politika.

Il-Parlament għandu jaħdem b’maturità u għall-ġid nazzjonali
Appella lill-Gvern tal-lum biex wara 50 sena ta’ indipendneza, jirrealizza li l-Parlament għandu jaħdem b’maturità u għall-ġid nazzjonali.

Wissa li filwaqt li l-għajta ta’ Gvern ta’ kulħadd kienet waħda mill-ideat tal-Prim Ministru, jista’ jiġri li bil-wegħdiet li għamel qabel l-elezzjoni, bena ħajt għoli madwaru li llum qed jibbenefikaw minnu biss dawk li xejrulu l-bandiera għax riedu jakkwistaw. Dan, il-Gvern qed jagħmlu askapitu tal-poplu li jħallas it-taxxa.

Gvern li għall-ewwel darba għandu Oppożizzjoni pożittiva
Tony Abela qal li dan hu Gvern li għall-ewwel darba għandu quddiemu Oppożizzjoni u membri indipendenti li jridu jkunu pożittivi u mhux biex ipoġġu lill-Gvern fin-negattiv.

Tkellem dwar il-mezzi tax-xandir u appella lill-ġurnalisti jiċċekkjaw u jivverfikaw ir-rapporti b’rabta ma’ deċiżjoni li tat dan l-aħħar il-Qorti tal-Appell li sabet lill-gazzetta tal-GWU, it-Torċa, ħatja ta’ malafama b’allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.
Semma li hemm ħafna kawżi oħrajn ta’ libell minħabba nuqqas ta’ ħsieb, hekk kif appella lill-ġurnalisti jkunu aktar konxji ta’ dak li jiktbu.

Tkellem ukoll dwar id-dibattitu li għaddej bħalissa fi-Parlament b’rabta mal-liġijiet ambjentali, u qal li l-Oppożizzjoni qed tagħmel ħilitha kollha biex ngħollu din il-liġi tliet tarġiet ‘il fuq, u li jkun ifisser tgawdija aħjar tal-ambjent ta’ uliedna u wlied uliedna.

Appella lill-Parlament jaqbel ukoll biex Marlene Farrugia tingħata l-kariga ta’ Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent.
Appella biex nuru bil-fatti li aħna lkoll ta’ Malta, bħalma kien pajjiżna meta sar indipendenti u aktar tard repubblika. Semma wkoll kif fil-Parlament kien hawn żmien li l-maġġoranza tal-voti ma kkmandatx fuq materji nazzjonali ta’ importanza.

Semma l-kisbiet li għamel ukoll Eddie Fenech Adami li mexxa lill-pajjiżna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, u aktar tard taħt il-Prim Ministru Lawrence Gonzi sirna wkoll membri fiz-zona ewro.

Semma wkoll kif mill-2008, kellna gvern li kien kapaċi jieħu passi biex l-ekonomija tibqa’ b’saħħitha u l-Gvern tal-lum miexi fuq l-istess passi ekonomiċi.

Fil-Parlament biex iwassal il-leħen ta’ dawk l-aktar fil-bżonn
Tony Abela tkellem ukoll dwar ir-rwol tiegħu ta’ deputat tal-poplu. Fisser li qiegħed fil-Parlament biex iwassal il-leħen ta’ dawk l-aktar fil-bżonn, għax in-nies jimpurtahom dwar min jista’ jgħinhom, irrilevanti mill-partit politiku. Illum għad hawn min għadu qiegħed ibati u jitlob li jkun megħjun.

Appella lill-Gvern jaġixxi biex tiġi rranġata s-sitwazzjoni tan-nies fi Vjal il-Ħaddiem fir-Rabat, bir-residenti u tal-ħwienet ilhom sena jistennew ix-xogħlijiet jitlestu.

Semma wkoll it-triq li tagħti għall-Baħrija, b’parti minn din it-triq baqgħet imħarbta u fi stat ta’ abbandun wara li saru x-xogħlijiet fis-sistema tad-drenaġġ.

Nevitaw l-awtogowls fil-Parlament bħalma kellna l-ġimgħa li għaddiet
Awgura li l-Parlament jaħdem aktar fimkien milli qiegħed jaħdem illum u ma jkollniex awtogowls bħalma kellna bl-inċidenti li seħħew nhar il-Ġimgħa fil-Parlament.