Għawdex Lokali Saħħa

L-Avviżi Legali li jippermettu żvilupp fl-Isptarijiet mingħajr permessi tal-MEPA għandhom jiġu revokati minnufih – il-PN

Wara li xahar ilu l-Oppożizzjoni ressqet Mozzjoni fil-Parlament biex jiġu revokati l-Avviżi Legali 262 u 263 tal-2015, li jippermettu li jsir żvilupp fl-Isptarijiet ta’ pajjiżna mingħajr permessi tal-MEPA, issa anke t-Tobba, permezz tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), qed jinsistu li l-Gvern jirtira u jirrevoka dawn l-Avviżi Legali u jneħħihom daqs li kieku qatt ma daħħalhom.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista, fi stqrrija ffirmata mix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Ryan Callus, li sostna li dawn l-Avviżi Legali mhux biss imorru kontra s-sens ta’ sigurtà u saħħa fl-Isptarijiet, iżda wkoll kontra l-Liġijiet Ewropej. Filwaqt li hu fatt li għal dan il-Gvern, l-Ambjent jingħata bis-sieq, issa wara l-appell tat-Tobba wkoll, Muscat u Konrad Mizzi għandhom jieqfu jwebbsu rashom u jirtiraw dawn iż-żewġ Avviżi Legali immedjatament.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif waqt il-programm Dissett, Konrad Mizzi diġà għamel nofs u-turn meta qal li dawn l-Avviżi Legali mhux se jntużaw mill-kumpanija li se tixtri l-Isptarijiet ta’ Għawdex, San Luqa u Karin Grech. Għaldaqstant, hu ovvju li l-intenzjoni ta’ Muscat u Mizzi kienet li jħallu li jsir dan l-iżvilupp bla ebda studji u permessi, għax kieku ma kienux jagħmlu dawn il-Liġijiet, Min-naħa l-oħra, huma kellhom iċedu biss wara li saritilhom il-pressjoni. Madankollu, jekk kemm-il darba dawn l-Avviżi Legali ma jiġux revokati, xejn ma jżomm lill-Gvern milli jużahom.

Il-Partit Nazzjonalista qal li llum kulħadd jaf li l-kelma ta’ Muscat u Mizzi ma tiswa xejn. Għaldaqstant, qed jinsisti li dawn iż-żewġ Avviżi Legali jiġu rtirati llum qabel għada.