Filwaqt li n-nies fi Brussell segwew id-direttivi tas-sigurtà drastiċi minħabba l-possibbiltà ta’ attakk mill-ISIS, spikkat l-istorja ta’ koppja – miżżewġin friski – li ħalfu li ħadd, ‘terroristi jew mhumiex’, ma kien se jħassrilhom il-jum speċjali.
Għalkemm il-belt kapitali tal-Belġju, f’dawn il-jiem, spiċċat f’sitwazzjoni ta’ lockdown, iċ-ċerimonja tat-tieġ imxiet b’mod ‘normali’ – b’ġurnalista fiċ-ċentru ta’ Brussell jiġbed ritratt ta’ din il-koppja ferħana, fil-preżenza ta’ suldati bl-azzarini lesti għal li jista’ jinqala’.
Il-koppja, li ma kenitx identifikata, irrifjutat li tkun intimidata minkejja l-attakki terroristiċi tat-13 ta’ Novembru f’Pariġi li ħallew 130 mejtin. Diversi messaġġi fuq Twitter, intant, qalu li ‘din kienet tassew ġurnata memorabbli għal din il-koppja’, b’ħafna abbonati li ma jafux lill-mara u r-raġel ‘jixtiqulhom kull suċċess u hena f’ħajjithom’.
Il-Prim Ministru Belġjan Charles Michel qal li qed isir minn kollox biex il-ħajja fi Brussell tirritorna għan-normal malajr kemm jista’ jkun. Dan meta l-awtoritajiet fil-kapitali Belġjana, għat-tielet jum konsekuttiv, żammew l-ogħla livell ta’ allert għal kontra terroriżmu, bl-iskejjel, l-universitajiet, il-kumplessi kummerċjali u l-metro ta’ Brussell jibqgħu magħluqin.
//= $special ?>