Marlene Farrugia tiddikjara li n-nisa li huma abbużati fi djarhom ma jistgħux iħossu li jistgħu jingħataw ġustizzja ladarba l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ma rnexxilhiex tipprovdi protezzjoni lilha bħala mara fil-Parlament
Il-Kap tal-Opożizzjoni Simon Busuttil iddikjara li l-Oppożizzjoni qed tkun qed toħroġ ‘il barra mill-Kamra wara ruling li ta l-Ispeaker b’rabta mal-inċidenti li nqalgħu nhar il-Ġimgħa filgħaxija meta d-Deputat Laburista Joe Debono Grech hedded lid-deputata indipendenti Marlene Farrugia bil-kliem “Niġi għalik u nifqgħek”.
Din id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha fil-Parlament wara li staqsa lill-Ispeaker jiċċara jekk fir-ruling li ta dwar l-inċident ta’ nhar il-Ġimgħa, kienx qiegħed jittratta liż-żewġ deputati bl-istess mod, bl-Ispeaker jgħid li ma jistax jikkummenta fuq ir-ruling għaliex deċiżjoni tas-sedja ma tistax tiġi diskussa.
Simon Busuttil qal li dalwaqt se jkun qiegħed jispjega l-pożizzjoni li qed tieħu l-Oppożizzjoni lill-media.
Ir-ruling ingħata fuq talba tal-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius meta quddiem dawn l-inċidenti serji fil_Parlament, qal li huwa inaċċettabbli li Deputat tal-Kamra jgħid il-kliem “Niġi għalik u nifqgħek” lil Deputat ieħor tal-Kamra, u kien talab ukoll lill-Ispeaker biex jinvestiga dawn l-inċidenti.
Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li wara li sema’ l-verżjonijiet taż-żewġ deputati tal-Kamra involuti, u xhieda oħrajn li kienu fil-qrib tagħhom u li semgħu dak li ntqal, irrifera għal rulings li tat is-Sedja, fosthom dak riċenti wkoll, bl-Ispeaker jirrimarka li l-Viċi President tal-Kamra, id-Deputat Laburista Luciano Busuttil li kien qed jippresiedi l-Kumitat fil-Kamra, għandu s-setgħa li jieħu l-miżuri hu dwar dak li jinqala’ fid-dibattitu parlamentari.
L-Ispeaker qal ukoll li fid-dawl ukoll tal-fatt li ma kien hemm ebda talba għal ksur ta’ privileġġ, ordna lid-Deputat Marlene Farrugia tirtira l-kliem “pulċinell”, u kliem ieħor li seta’ nftiehem bħala dispreġjattiv bħalma hu “korrott” li kien innegat minn Marlene Farrugia, u lid-Deputat Laburista Joe Debono Grech jirtira wkoll il-kliem “Niġi għalik u nifqgħek”.
F’dan il-ħin, Marlene Farrugia ma tħallitx mill-Ispeaker tagħmel spjegazzjoni qabel ma tirtira l-kliem kif kienet mitluba tagħmel fid-deċiżjoni tas-Sedja. Bħal Marlene Farrugia, Joe Debon Grech ukoll wieġeb iva li kien qiegħed jirtira l-kliem.
In-nisa msawta u dawk vulnerabbli ma jistgħux iħossuhom aktar protetti
Wara r-ruling tal-iSpeaker, f’dikjarazzjoni li għamlet qabel ma beda x-xogħol tal-Kamra fis-seduta tal-lejla, Marlene Farrugia saħqet li n-nisa li huma abbużati fi djarhom ma jistgħux iħossu li jistgħu jingħataw ġustizzja ladarba l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ma rnexxilhiex tipprovdi protezzjoni lilha bħala mara fil-Parlament.
Marlene Farrugia spjegat li meta semgħet il-kliem fil-konfront tagħha, “Niġi għalik u nifqgħek”, ma kinitx hi li kienet qed titkellem dak i-ħin fil-Kamra. Hi semgħet il-kliem “pulċinella” u ndunat li kienu indirizzati lejha meta rat lil Joe Debono Grech jindika lilha.
Marlene Farrugia qalet li hi mhux talli ma ġietx protetta mis-Sedja anzi dehrilha li d-Deputat Luciano Busuttil, li kien qed jippresiedi l-Kamra fil-ħin tal-inċident, mill-espressjoni ta’ wiċċu beda jiddieħek biha.
Marlene Farrugia qalet li jiddispjaċiha li wara li semgħu r-ruling tal-iSpeaker, ħafna nisa li jinsabu fi djarhom imsawta u mbeżżgħin, u li semgħu wkoll dak l-istess kliem “Niġi għalik u nifqgħek”, fis-satra tal-lejl, se jħossuhom li ma jistgħux ikunu protetti. L-istess nisa li wkoll ma jingħatawx widen meta jmorru jirrappurtaw fl-għases tal-pulizija u ma jittiħdux passi.
Meta fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, mara ġiet insultata u mhedda mingħajr protezzjoni, dawk in-nisa li għaddejjin minn din il-biża’, ma jistgħux iħossu li magħhom se ssir ġustizzja.
Marlene Farrugia ċaħdet li hi għajret lil Joe Debono Grech korrott
Marlene Farrugia ċaħdet li hi għajret lil Joe Debono Grech korrott jew li hu skadut. Hi qalet li meta bdiet tiġi mgħajra, hi qaltlu li l-politika tas-sebgħinijiet m’għadux żmienha.