Skont is-sit Taljan ilGiornale.it, Malta saret il-bażi ġdida li qed jużaw il-jihadisti, jew aħjar l-estremisti Iżlamiċi, fejn jingħad ukoll li pajjiżna possibilment sar il-post minn fejn l-estremisti jgħaddu lejn jew inkella mis-Sirja, jew saħansitra qed jużaw lil pajjiżna bħala bażi bankarja fejn jiddepożitaw il-fondi inkella bażi loġistika tagħhom.
Fl-artiklu, miktub minn Emanuela Fontana, jingħad li mindu waqa’ r-reġim ta’ Gaddafi xi ħaġa f’pajjiżna nbidlet u bdew jaslu ħafna persuni minn postijiet fejn jeżisti l-estremiżmu, bħat-Turkija, il-Libja u pajjiżi oħra.
Tkompli li l-istejjer li ħarġu fl-aħħar jiem jindikaw li dawk li jixtiequ jmorru jew jitilqu minn postijiet tal-Kalifat, Malta hu l-post ideali minn fejn jgħaddu u ma jqajmux suspetti u fejn jista’ jsir ir-riċiklaġġ tal-flus, jew hub finanzjarju u post fejn jinkisbu dokumenti foloz għan-nies ta’ Al Baghdadi, li jmexxi l-Kalifat tal-ISIS.
Il Giornale ssemmi kif dan l-aħħar bdew joħorġu numru ta’ stejjer bħall-famużi kitbiet li saru kemm bl-Ingliż u bl-Għarbi, fosthom il-messaġġ “mewt għall-Insara”, li nstabu fi tliet postijiet differenti fis-26 ta’ Frar li għadda; fuq żewġ bus shelters fit-triq bejn Ħaġar Qim u Wied iż-Żurrieq, u mal-Kappella ta’ San Mattew tal-Maqluba fil-Qrendi stess.
Il-ġurnalista Taljana ssemmi wkoll l-arrest ta’ seba’ persuni li ppruvaw jidħlu f’Malta b’dokumenti foloz fl-aħħar jiem minn ajruporti differenti fl-Italja; Ciampino, Treviso u Oria al Serio. Dan minbarra s-Sirjan li nqabad f’Malta wara li wkoll daħal b’dokumenti foloz, u madwar 250 persuna li qed jiġu mfittxija f’pajjiżna.
Inkwetanti, skont l-istess artiklu, li wħud minn dawk arrestati kellhom il-mobiles tagħhom mimlija b’ritratti ta’ persuni, allegatament il-persuni arrestati stess, jippużaw bl-armi tan-nar u b’ritratti tal-ISIS.
L-artiklu ta’ il Giornale jagħmel riferenza wkoll għall-kummenti tal-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici, li qal li jekk Malta verament hi newtrali, għandha tgħin lill-ISIS daqs kemm tgħin lil Franza u dawk li qed jattakkaw lill-estremisti Iżlamiċi.
//= $special ?>