Id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia reġgħet ivvutat mal-Oppożizzjoni fuq klawsola li ressqet l-Oppożizzjoni li nsistiet li r-rapport dwar l-istat tal-ambjent jagħmel sens jekk isir minn entità indipendenti. L-Ombudsman hu l-entità li toffri din l-indipendenza bid-dritt li jitlob kull informazzjoni li hemm bżonn mill-istess awtorità.
Fid-dibattitu dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Ambjent li kompla llejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-emenda li qed tressaq l-Oppożizzjoni hi mnebbħa minn dak li qal l-Ombudsman.
L-Oppożizzjoni taqbel mal-kummenti li għamel l-Ombudsman għaliex ir-rapport mitlub mhux ir-rapport annwali dwar ix-xogħol tal-awtorità ambjentali iżda rapport perijodiku dwar l-istat tal-ambjent fil-pajjiż.
Simon Busuttil qal li ma jagħmilx sens li rapport dwar l-istat tal-ambjent isir mill-istess awtorità li għandha r-responsabbiltà li tħares l-ambjent.
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli qalet li t-talba tal-Oppożizzjoni qed issir fid-dawl li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ambjent fil-Kumitat Parlamentari qal li minkejja li m’għandux informazzjoni dwar il-proġett tal-università fiż-Żonqor, xorta rrakkomanda li dan l-iżvilupp isir hemmhekk.
Il-Gvern ma qabilx ma’ dinl-emenda tal-Oppożizzjoni.
Fil-votazzjoni li ntalbet għall-emenda tal-Oppożizzjoni, id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia vvutat mal-Oppożizzjoni. Hi talbet li l-vot ikun espress billi kull membru jqum bil-wieqfa meta jissejjaħ biex jesprimi l-vot tiegħu. L-emenda ma għadditx b’25 vot favur u 35 vot kontra.
//= $special ?>