Lokali

Memorabilia tal-Familja Rjali

Bċejjeċ rari marbutin mar-Regina Elizabetta t-Tieni u l-Familja Rjali tar-Renju Unit jinsabu għal wiri fil-foyer tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Manifattura fil-Belt Valletta.

Il-biċċiet ta’ memorabilia huma parti mill-kollezzjoni privata tal-familja Delia, l-importaturi li għal iktar minn 100 sena operaw taħt l-isem Gio Batta Delia fi Triq ir-Repubblika.

Il-Kap tal-Oppozizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illejla żar din il-wirja fejn ntlaqa’ minn Patrick Delia, direttur tal-kumpanija Gio Batta Delia u l-President tal-Kamra tal-Kummerc Anton Borg.

Il-wirja tinkludi diversi skulturi, midalji, busti u figorini li l-biċċa l-kbira minnhom huma edizzjoni limitata u li jfakkru avvenimenti importanti fosthom, il-koronazzjoni tar-Regina Elisabetta u l-Gublew tal-Fidda tagħha, għeluq snin diversi membri tal-Familja Rjali u ż-żwieġ tal-Prinċep ta’ Wales ma’ Lady Diana Spencer fl-1981.

Din il-kollezzjoni inbniet tul is-snin hekk kif Gio Batta Delia kien l-aġent ta’ diversi ditti ta’ fama Ingliżi fil-fine china fosthom Wedgewood, Royal Doulton, Royal Worcester (Worster), Spode u Royal Crown Derby. L-Esebizzjoni tibqa’ miftuha sa nhar it-Tnejn li gej.