Lokali Parlament

Mhux l-ewwel darba li ġew posposti laqgħat tal-Kumitati Parlamentari minħabba ċirkustanzi li jinqalgħu

Il-Kumitat Parlamentari dwar il-kuntratt ma’ Henley and Partners pospost

Il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi li kellu jkompli jittratta l-kuntratt ma’ Henley and Partners, ġie pospost wara li ċ-Chairman Tonio Fenech u l-membri tal-Oppożizzjoni ma setgħux jattendu fil-ħin stabbilit.

Dwar dan il-posponiment, il-Ministru Owen Bonnici talab ruling mingħand l-Ispeaker peress li skont hu, iċ-Chairman me kellu ebda dritt li min jeddu jipposponih.

Owen Bonnici qal li hu ġie msejjaħ bħala xhud iżda meta mar għal-laqgħa ġie mgħarraf li l-Kumitat ġie pospost. F’ismu u f’isem il-Ministru Edward Zammit Lewis, li hu membru tal-Kumitat f’isem il-Gvern, Owen Bonnici talab ruling biex is-sedja tiddeċiedi jekk iċ-Chairman mexiex skont ir-regoli tal-Kamra. Talab ukoll biex fin-nuqqas, is-sedja tieħu passi kontra Tonio Fenech.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius qal li l-laqgħa ma setgħetx issir peress li hu talab laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari u wara l-laqgħa saret ukoll konferenza tal-aħbarijiet dwar ir-ruling li kien ta l-Ispeaker fil-bidu tal-laqgħa dwar l-inċidenti li seħħew nhar il-Ġimgħa fil-Kamra tal-Parlament.

David Agius qal li din mhux l-ewwel darba li ġew posposti laqgħat tal-Kumitati minħabba ċirkostanzi li jinqalgħu u fil-fatt illejla stess ġie pospost Kumitat li kellu bħala Chairman lid-Deputat Laburista Luciano Busuttil.

Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech qal li l-Whip spjega r-raġuni għaliex kellha tiġi posposta l-laqgħa tal-Kumitat. Hu qal li seta’ ma informa lil ħadd dwar il-posponiment iżda l-laqgħa xorta waħda ma kinitx issir peress li hu bħala Chairman ma setax jattendi. Bħala korteżija talab lill-iskrivana tinforma lill-membri li l-laqgħa kienet ġiet posposta.

Luciano Busuttil spjega li l-Kumitat li hu jmexxi ġie pospost peress li kien se jippresiedi l-istadju ta’ Kumitat fil-Parlament rigward l-abbozz ta’ liġi dwar l-ambjent.

L-iSpeaker qal li kien se jagħti ruling f’seduta oħra.