Mit-Tnejn daħal fis-seħħ fl-Italja pjan ta’ sigurtà kbir minħabba l-Ġublew tal-Vatikan li jiftaħ fit-8 ta’ Diċembru.
Tal-anqas 2,000 membru ta’ forzi tas-sigurtà Taljani differenti se jkunu qed jgħassu mal-1,000 post meqjusa bħala li jistgħu jkunu fil-mira ta’ attentat, u fost dawn hekk ukoll it-trasport pubbliku.
Għassa speċjali, minbarra fi Pjazza San Pietru, hemm ukoll fi Stadio Olimpico peress li hu meqjus bħala post li jista’ jkun fil-mira u fih se jkun hemm l-użu tal-metal detectors mad-dħul. Dawn bdew jintużaw nhar il-Ħadd.
Il-metal detectors se jintużaw ukoll għad-dħul fi Pjazza San Pietru u fil-pjazez l-oħra marbutin mal-Ġublew. Mhux se jkun permess li jittajru drones matul il-ġranet tal-Ġublew li matulhom miljuni ta’ pellegrini mistennija jinġabru f’Ruma. Uffiċjali Taljani qalu li jekk ikun hemm xi drone jew ultralight aircraft fl-ispażju tal-ajru ta’ Ruma mingħajr permess, kien se jinfetaħ in-nar fuqu.
Dan kollu se jseħħ hekk kif nhar l-Erbgħa l-Papa Fraġisku jitlaq għal żjara ta’ ħamest ijiem fil-kontinent Afrikan. Matulha hu se jżur il-Kenja, l-Uganda u r-Repubblika Ċentrali Afrikana, iżda hemm ċerti dubji marbutin maż-żjara f’dan l-aħħar pajjiż minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. It-tħassib hu dovut għall-fatt li fil-Kenja huma attivi l-militanti Iżlamiċi bbażati fis-Somalja, dawk tal-al-Shabab, kif ukoll minħabba l-attakk ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-Mali.
Tissaħħaħ is-sigurtà f’Ruma minħabba l-Ġublew tal-Vatikan
