Dak li tiżra’ taħsad

Ix-xhieda tal-korruzzjoni toħroġ mill-ħabi tal-kuntratti u mill-attakk fuq l-istituzzjonijiet indipendenti li qed jinvestigaw lill-Gvern bħall-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman

Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi saħaq fil-Parlament li l-qawl Malti – “Dak li tiżra taħsad” – jiddeskrivi b’mod l-iktar tajjeb il-politika li qed jimxi biha l-Gvern preżenti.

Meta tkellem fil-Parlament fil-ħin tal-Aġġornament, id-Deputat Nazzjonalista u Kelliem dwar Għawdex, qal li qabel l-elezzjoni, il-Prim Ministru kien wegħidna li quddiem il-korruzzjoni kien se jaġixxi bil-kultura tar-riżenji. Ilum, ir-riżenji ta’ min imexxi l-Gvern u allura ta’ min għandu idu fil-flus li nħallsu f’taxxi, narawhom imma f’pajjiżi li lanqas biss inqabblu ruħna magħhom, bħalma huma r-Rumanija u l-Gwatemala.

Iżda f’Malta nimxu bil-kontra, bi Prim Ministru li jkompli jwebbes rasu quddiem l-iskanli li qed jegħreq fihom. Semma li ma tgħaddix ġimgħa li ma nisimgħux b’xi skandlu ġdid wara biss sentejn u nofs, bl-aktar skandli ricenti marbuta mal-kugin tal-Prim Ministru u l-ħruġ tal-visas lill-Alġerini u l-iskandlu tad-Dipartiment tal-Proprejtà tal-Gvern u l-iskandlu dwar il-kirja mill-GWU.

Quddiem dawn l-iżviluppi kollha, flok iwieġeb u jieħu azzjoni, il-Prim Ministru jagħżel li jinjorahom. Minkejja li jaf li qed jegħreq fl-iskandli u l-korruzzjoni, il-Prim Ministru qed ikompli jwebbes rasu u jagħżel li ma jiħux id-deċiżjonijiet.

Saħaq li l-Gvern għandu ħafna x’ jirrispondi dwar il-mentalità korrotta fil-Gvern u fil-Partit Laburista. Gvern li n-nies tiegħu telgħu b’mod ċar biex jaħtfu flus il-poplu f’konsulenzi, ħatriet u kuntratti.

Ħabi ta’ kuntratti u attakk fuq l-istituzzjonijiet indipendenti
Meta nitkellmu dwar korruzzjoni, qal Frederick Azzopardi, hemm mhux biss il-fatti imma wkoll ix-xhieda tal-korruzzjoni li toħroġ mill-ħabi tal-kuntratti u mill-attakk fuq l-istituzzjonijiet indipendenti li qed jinvestigaw lill-Gvern bħall-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman. Kien hemm ukoll it-tneħħija mill-Gvern tal-Kummissarju tal-Pulizija li sab wara l-elezzjoni.

Gaffarena Espropjazzjoni Propjeta Artiklu Times 040615

L-akbar skandli seħħew fid-Dipartiment tal-Artijiet, bl-ewwel Prim Ministru fl-istorja ta’ Malta li qatt żamm id-Dipartiment tal-Artijiet taħt idejh. Fl-ewwel skandlu fil-Lands kien l-iskandlu personali ta’ Jospeh Muscat ma’ tal-Café Premier. Hemm ukoll l-iskandli diretti tal-Partit tal-Labour, b’Joseph Muscat bħala Ministru tal-Lands, ta lill-partit tiegħu €10 miljun minn flus il-poplu għall-Australia Hall biex issa hi tal-Labour biss. Hemm ukoll ir-reżistenza tal-istess Partit Laburista li ma jridx iħalli l-proprjetà fis-Siġġiewi u qed jara kif se jkompli jaħtaf minnha.

Id-Deputat Nazzjonalista semma wkoll l-iskandlu fil-kirja bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union, bl-Awditur Ġenerali jgħid li d-deal tal-kirja bejn il-GWU u l-Gvern hu illegali, bil-Gvern ma jridx jieħu lill-GWU l-Qorti minkejja din il-kundanna.

Fakkar ukoll fil-wiegħda tal-Prim Ministru li se joħloq f’Malta kultura tar-riżenji u minflok ħoloq kultura tax-‘xejn mhu xejn hekk kif semma l-aħħar każ żvelat – dak ta’ Identiy Malta, bi ħruġ ta’ mijiet ta’ visas li qajmu suspetti u ħafna akkużi bħalma tressqu kontra l-eks-Tezorier tal-Partit Laburista, Joe Sammut.

Frederick Azzopardi kkritika wkoll lill-Gvern li ma jistax jippretendi li qed jindirizza l-isfida tal-immigrazzjoni meta fl-istess ħin qed jiftaħ il-bieb b’numru esaġerat ta’ visas u permessi ta’ residenza.Appella għal inkjesta indipendenti dwar il-ħrug ta’ 14,000 permess ta’ resident f’sena waħda biss.

Fisser ir-riżenja ta’ Marlene Farrugia mill-Partit Laburista bħala prova oħra li qed tkompli tinkixef il-maskra u l-ingann tal-Moviment li bena Joseph Muscat. Riżenja li kkonfermat li wkoll fil-qasam ambjentali, il-Gvern tilef kull kredibilità.

sptar t'ghawdex

Id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-kwistjoni li għaddejja bħalissa dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Ikkritika lill-Gvern li qed ikompli jwebbes rasu minkejja l-inċertezza tal-ħaddiema u r-riskju li jintilfu €6 miljun f’fondi Ewropej.

Saħaq li l-Oppożizzjoni m’għandha xejn kontra li f’Għawdex ikun hemm dan it-tip ta’ investiment. Imma ma taqbilx li biex isir dan, jipprivatizza l-uniku sptar minn fejn jinqdew l-Għawdxin. Dan seta’ faċilment sar billi ħarġet sejħa għal min hu interessat li jibni u jamministra sptar ieħor li jkun tal-privat, u l-Isptar ta’ Għawdex jibqa’ jitmexxa mill-istat. Hekk żgur li l-poplu Għawdxi jkun moqdi aħjar.

Irrimarka li jekk hawn xi ħadd f’pajjiżna li m’għandu ebda kredenzjali jitkellem dwar it-tmexxija tajba f’pajjiżna, dan huwa Joseph Muscat, li fis-sentejn u nofs li ilu Prim Ministru, niżżel il-livell tat-tmexxija għall-iktar livell baxx, u llum aktar u aktar nies qed jaraw il-maskra ta’ Joseph Muscat taqa’.

F’kuntrast ma’ din it-temxxija tal-Prm Ministru, Frederick Azzopardi fisser li l-uniku mexxej politku f’pajjiżna li għandu l-kredenzjali jikellem fuq good governance huwa l-Kap tal-Partit Nazzjonlista Simon Busuttil li ħa d-deċiżjonijiet neċessarji biex jgħolli l-istandards fil-politika.

Fuq in-naħa l-oħra, qal Frederick Azzopardi, Joseph Muscat qed ikompli jwebbes rasu quddiem l-iskandli li qed jegħreq fihom, u issa qed jaħsad dak li żera’.