Ħaddiem f’kumpanija tal-logħob onlajn qed jiġi akkużat fil-Qorti li wettaq frodi ta’ €153,000 lill-kumpanija Betsson Service Group li kienet timpjegah, b’kummissjonijiet minn ‘traffiku’ iġġenerat b’mod artifiċjali fuq is-siti elettroniċi tal-kumpanija.
Christiaan Alexander Van Dalen, ta’ 41 sena, li għandu passaport Olandiż imma residenti f’Malta, wieġeb mhux ħati għas-seba’ akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Skont l-informazzjoni mogħtija fil-Qorti, ir-raġel kien responsabbli biex joħloq siti elettroniċi tal-logħob onlajn imma kien jirċievi bejn 25 u 50% mill-imħatri magħmula mill-klijenti ta’ Betsson.
Fil-Qorti ntqal ukoll li r-raġel kien nefaħ b’mod artifiċjali n-numru ta’ klijenti billi kien juża dettalji ta’ persuni biex jiġġenera accounts foloz. Ir-raġel qed jiġi akkużat ukoll li partijiet mill-qligħ illegali kien jittrasferihom fil-kont tal-bank ta’ martu, Filippina, u fil-kont elettroniku tiegħu Neteller. Intqal ukoll li r-raġel, f’dan iż-żmien, xtara diversi propjetajiet fil-Filippini.
Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest tal-akkużat u ordnat il-friża tal-assi kollha, inkluż ta’ martu. Ordnat ukoll lid-Direttur tal-Ħas biex jassigura li l-akkużat ma jkollux aċċess għal apparat tal-informatika biex telimina l-possibilità li jbagħbas il-provi.
L-Ispetturi Jonathan Ferris u Raymond Aquilina mexxew il-Prosekuzzjoni waqt li l-avukat Joe Ellis deher bħala għajnuna legali tal-akkużat u l-avukat Ian Vella Galea deher parte civile għall-kumpanija li kienet timpjegah.
//= $special ?>

