… se jkun qed jitressaq fil-Parlament flimkien mal-kummenti tal-Uffiċċju tal-Ombudsman
Il-Gvern bidel il-pożizzjoni u mexa pass fid-direzzjoni tal-Oppożizzjoni b’emenda li ressaq fid-dibattitu dwar it-twaqqif tal-Awtorità tal-Ambjent biex ir-rapport dwar l-ambjent imħejji mill-Awtorità jitressaq fil-Parlament flimkien mal-kummenti dwar l-istess rapport tal-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Ix-Shadow Minister dwar l-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, qalet fil-Parlament meta llum waranofsinhar qed ikompli d-dibattitu dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Ambjent, li l-Oppożizzjonii se tivvota favur din l-emenda mhux għaliex taqbel mija fil-mija magħha, iżda għaliex tjiebet u ġie inkluż fiha wkoll parti minn dak li proponiet sa mill-bidu l-Oppożizzjoni u wkoll id-Deputat Marlene Farrugia.
Marthese Portelli qalet li l-Oppożizzjoni kienet proponiet li r-rapport dwar l-ambjent isir taħt l-awspiċi u bl-għajnuna tal-awtoritajiet, u jiġi sottomess lill-Ministru u lill-Parlament. L-Oppożizzjoni kienet tippreferi li r-rapport joħroġ mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Il-Gvern irid li r-rapport dwar l-ambjent isir l-ewwel mill-Awtorità dwar l-Ambjent, u wara jagħmel il-kummenti l-Ombudsman.
Marthese Portelli rrimarkat li l-proposta oriġinali tal-Gvern kienet li r-rapport isir esklussivament mill-Awtorità bla involviment tal-Ombudsman, u llum, bl-emenda li ressaq il-Gvern imxejna pass ‘il quddiem minn dak propost oriġinarjament.
L-Oppożizzjoni vvutat favur din l-emenda mhux għax taqbel magha mija fil-mija iżda għaliex il-klawsola tjiebet u ttieħdet il-proposta li r-rapport ma jsirx esklussivament mill-Awtorità u li issa se jersaq ukoll quddiem il-Parlament.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, qal li kif inhi s-stwazzjoni llum, l-Ombudsman m’għandux limitu ta’ żmien sa meta jgħaddi l-ġudizzju tiegħu, u m’hemm xejn li jgħaddi l-ġudizzju anke wara li jsir id-dibattitu fil-Parlament.
Spjega li l-Kamra se jkollha quddiemha kemm ir-rapport u l-kummenti tal-Ombudsman.
//= $special ?>