Lokali Parlament

Il-Gvern jirrifjuta li titniżżel fil-minuti l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni meta lbieraħ ħarġet’ il barra mill-Parlament

Il-Gvern irrifjuta u ma qabilx li l-pożizzjoni li ħadet l-Oppożizzjoni fis-seduta tal-bieraħ meta ħarġet ‘il barra wara li ma qablitx mar-ruling li ta l-Ispeaker, jitniżżel fil-minuti tal-Parlament.

Fil-bidu tas-seduta li bdiet illum waranofsinhar, il-Whip tal-Grupp tal-Oppożizzjoni, David Agius, talab lill-Ispeaker biex titniżżel fil-minuti l-pożizzjoni li ħadet l-Oppożizzjoni meta telqet ‘il barra mill-Parlament wara ruling tal-Ispeaker li poġġa fuq l-istess keffa u livell lid-Deputat Laburista (Joe Debono Grech) li hedded, u lid-deputat indipendenti (Marlene Farrugia) li kienet mhedda.

L-Ispeaker spjega li mingħajr qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni, il-pożizzjoni li ħadet l-Oppożizzjoni ma tistax titniżżel fil-minuti, bl-Ispeaker jistaqsi lill-Whip tal-Gvern jekk hux qed jaqbel mat-talba tal-Oppożizzjoni.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Godfrey Farrugia, iddikjara l-ewwel li l-Gvern jimxi mal-istanding orders u jħalli f’idejn is-Sedja. Bl-Ispeaker jistaqsih biex jiddikjara jekk il-Gvern hux qed jaqbel li l-pożizzjoni li ħadet l-Oppożizzjoni meta telqet ‘il barra fis-seduta tal-bieraħ titniżżel fil-minuti tas-seduta parlamentari, Godfrey Farrugia qal li l-Gvern ma jaqbilx.

L-Oppożizzjoni saħqet li meta Oppożizzjoni titlaq ‘il barra mill-Parlament hi serja u għandha tkun riflessa fil-minuti, bl-Oppożizzjoni nsistiet li dan in-nuqqas ta’ qbil u li l-Gvern ma aċċettax, ikun imniżżel fil-minuti tas-seduta tal-lum.