Il-kliem użat minn ċertu deputati fil-Parlament fl-aħħar jiem hu “offiża għan-nazzjon kollu”. Jista’ jiġi kklassifikat bħala vjolenza kontra n-nisa u aktarx jista’ jiġi kkastigat taħt il-liġijiet kriminali Maltin.
Fondazzjoni aditus iddeskriviet il-kliem li ntqal fil-Parlament nhar il-Ġimgħa bħala lingwaġġ abbużiv li wera n-nuqqas assolut ta’ kontabilità fl-ogħla livell ta’ istituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiż. Il-fondazzjoni qalet ukoll li dan wera li Malta għadha ferm ’il bogħod mill-abbuż u l-vjolenza fuq nisa.
Il-fondazzjoni uriet it-tħassib tagħha għal dak li ddeskriviet bħala kumdità li jgawdu l-Membri Parlamentari li jistgħu jużaw lingwaġġ u ton, li fi kwalunkwe ċirkostanza oħra jitqiesu mhux aċċettabbli. Saħqet li ma tistax tifhem kif dak li ġara fil-Parlament ma wassal għal ebda kundanna mill-Membri Parlamentari l-oħra kollha.
Il-fondazzjoni qalet li bħala għaqda mhux governattiva li taħdem ma’ komunitajiet esklużi u vulnerabbli f’Malta, hi familjari ħafna ma’ dan it-tip ta’ lingwaġġ u ma’ nuqqas ta’ mistħija għal atteġġjament ta’ bullying.
Waqt li fakkret li skont il-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika, fl-2011, mara minn kull erbgħa f’Malta għaddiet minn xi forma ta’ vjolenza jew abbuż, il-fondazzjoni aditus qalet li l-eżempju li ngħata fil-Kamra tar-Rappreżentanti, ta’ spettaklu ta’ mara tiġi bullied quddiem sħabha u n-nazzjon kollu, hu ta’ tħassib kbir u għandu, b’mod immedjat, jiġbed il-kundanna tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba politiċi u dawk l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza. Saħqet, li jekk dan ma jseħħx, il-messaġġ li jkun qed jitwassal ikun li l-atteġġjament ta’ persuni vjolenti hu aċċettat.
//= $special ?>