Lokali Parlament

Il-Partit Laburista kontra li ċ-ċittadin ikollu dritt jieħu lill-gvern il-Qorti dwar deċiżjonijiet ambjentali

Il-Gvern jivvota kontra emenda tad-Deputat Marlene Farrugia appoġġjata mill-Oppożizzjoni

Il-Gvern ivvota kontra emenda li ressqet id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia, appoġġjata mill-Oppożizzjoni, li titlob li jiddaħħal fil-liġijiet id-dritt taċ-ċittadin li jikkontesta fil-Qrati ta’ Malta sfreġji ambjentali li jitwettaq b’deċiżjoni ta’ Gvern li bihom ma jkunx qiegħed jonora l-wegħdiet elettorali tiegħu.

Din l-emenda resqitha fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp li permezz tagħha se titwaqqaf l-Awtorità tal-Ippjanar separata mill-Awtorità dwar l-Ambjent.

Marthese Parla

L-Oppożizzjoni, permezz tax-Shadow Minister Marthese Portelli u tad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, esprimiet il-pożizzjoni tagħha favur din l-emenda. L-Oppożizzjoni ddikjarat ukoll li temmen f’din il-proposta li lesta timplimenta meta tkun fil-Gvern.

Marthese Portelli qalet li llum qed niddiskutu liġijiet ambjentali biex l-ambjent jiġi aħjar u appellat li kull emenda tajba u aħjar, il-Gvern għandu jagħti kasha u jimplimentaha.

Fissret li ma jagħmilx sens li la darba llum għandna awtorità li qed tinfired fi tnejn, dawn il-prinċipji li lkoll nemmnu fihom, il-Qorti ma tistax tapplikahom. Appellat li jekk irirdu navvanzaw ‘il qudidem, dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Parlament, mill-awtoritajiet ambjentali u wkoll mill-Qrati.

Ryan Callus

Ryan Callus qal li din l-emenda mressqa minn Marlene Farrugia tagħti l-opportunità li nuru li qed nitgħallmu minn żbalji li setgħu saru fil-passat, u niddikjaraw li dak li ma kienx tajjeb qabel, jinbidel illum.

Il-ħsieb tal-Oppożizzjoni, qal Ryan Callus, hu li ntejbu dak li nistgħu nirranġaw.

Id-Deputata Marlene Farrugia fissret li l-Gvern illum għandu quddiemu opportunità oħra biex jikkonvinċi li l-Gvern, ikun min ikun, u l-pajjiż mhux se jaċċetta aktar l-isfruttar li kellna fis-snin ta’ qabel.

Appellat lill-Gvern Laburista ikun lest li mhux biss jattwa l-liġi, iżda jagħti d-dritt lill-poplu li meta jħoss li mhux miexi ma’ dak li wiegħed lill-poplu, jingħata s-saħħa lill-Qrati ta’ Malta biex jiġi assigurat li l-ambjent jibqa’ wkoll tagħna lkoll.

Appellat lill-Oppożizzjoni turi wkoll li qed titbiddel u tammetti li dak li kien hemmm qabel ma ħadimx biżżejjed, u tagħti appoġġ lil din l-emenda biex ma jitwettqux aktar żbalji fl-ambjent u l-ippjanar.

Il-Gvern, permezz tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, oġġezzjona għal din l-emenda u ddikjara li b’dak li qed tipproponi d-Deputat Marlene Farrugia, jagħti lok għal abbuż.

Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon irrimarka li hemm differenza bejn prinċipju u dritt li tista’ timplimentah direttament. Fisser li b’dak li qed tipproponi Marlene Farrugia, se niftħu ċans għall-abbuż. Fisser ukoll li meta wieħed jara l-liġi fit-totalità tagħha jara li hemm biżżejjed drittijiet.

Wara li l-Kamra ġiet sospiża għal 20 minuta biex ikun jista’ jittieħed il-vot, il-Gvern ivvota kontra l-emenda tal-eks-Deputat tan-naħa tal-Gvern, u vvota favur il-klawsola kif ressaq fl-Abbozz ta’ Liġi. Dan ifisser li l-prinċipji li qed jiggwidaw din il-Liġi li twaqqaf l-Awtorità dwar l-Ippjanar ma jistġħux jiġu esegwiti fil-Qrati Maltin.

Censu - Deputat speaker

Qabel ma ttieħed il-vot meta d-Deputat Speaker Ċensu Galea talab liż-żewġ deputati indipendenti, Marlene Farrugia u Giovanna Debono, jiddikjaraw il-vot tagħhom, il-Ministru Konrad Mizzi rrimarka li l-Parlament għandu jkompli jsegwi regolamenti li ilhom jintużaw is-snin, bit-tweġiba tas-Sedja tkun li l-Parlament ilu wkoll is-snin ma jkollu deputati indipendenti.

Konrad Mizzi talab lis-Sedja timxi mar-regolamenti li ilhom jintużaw is-snin, bid-Deputat Speaker jirrimarka li ilu snin ukoll ma jkollna fil-Parlament deputati indipendenti.

Iż-żewġ deputati indipendenti vvutaw kontra l-klawsola kif imressqa mill-Gvern, bħalma għamlet ukoll l-Oppożizzjoni, bl-emenda mressqa minn Marlene Farrugia ma tgħaddix bil-vot kontra tal-membri tal-Gvern, u tgħaddi l-klawsola kif imressqa mill-Gvern fl-Abbozz ta’ Liġi.