Ħames persuni bdew jgħaddu minn proċess quddiem tribunal tal-Vatikan fejn huma akkużati li ħarġu u ppubblikaw dokumenti sigrieti li żvelaw sistemi ta’ immaniġġjar ħażin fis-Santa Sede.
Żewġ ġurnalisti li kkwotaw dawn id-dokumenti f’żewġ kotba qegħdin ikunu proċessati flimkien ma’ żewġ membri ta’ kummissjoni tal-Knisja u raġel ieħor li kellu r-rwol ta’ assistent. F’każ li jinstabu ħatja, l-imputati jistgħu jeħlu massimu ta’ tmien snin ħabs.
Il-ġurnalisti, Emiliano Fittipaldi u Gianluigi Nuzzi, irreferew għal allegazzjonijiet dwar użu ħażin ta’ fondi għall-karità u skopijiet oħra, permezz tal-kotba rispettivi li jisimhom Merchants in the Temple u Avarice. L-allegazzjonijiet jirreferu, fost oħrajn, għar- refurbishment lussuż ta’ appartamenti għall-kardinali u oħrajn.
It-tliet akkużati l-oħra dwar il-leaks tad-dokumenti huma qassis Spanjol, il-Monsinjur Angelo Lucio Vallejo Balda; Nicola Maio, l-assistent tal-qassis u Francesca Chaouqui, esperta Taljana tar-relazzjonijiet pubbliċi li ffurmat parti minn kummissjoni li tat pariri lill-Papa dwar riforma ekonomika.
Il-kummissjoni speċjali għal riforma kienet twaqqfet mill-Papa Franġisku biex titratta l-holdings finanzjarji tal-Vatikan filwaqt li tipproponi riformi għat-titjib ta’ proċessi li jiċċirkolaw flus lill-foqra.
Sadanittant, il-gruppi tal-istampa kkundannaw dan il-proċess bħala ‘attakk fuq l-istampa ħielsa’ u talbu biex il-Vatikan iwaqqa’ l-akkużi inkwistjoni.
//= $special ?>