Raġel ta’ 53 sena, li daħaq b’anzjan li kien jafdah u anke bi skrivana ta’ bank, intbagħat 10 snin ħabs wara li ffroda b’għexieren ta’ eluf ta’ ewro.
Joseph Francis Scerri, li ħadem għal 23 sena mal-bank Mid-Med u iktar tard HSBC, instab ħati li ffroda lill-anzjan Mario Gauci, minn Birkirkara, b’iktar minn €100,000. L-anzjan kien ta prokura lil Scerri li nstab ħati li kien iqarraq bih u kien jgħidlu li kien qed jinvestilu flusu inkluż f’negozju tal-importazzjoni tal-karozzi.
Instab li Scerri ħareġ numru ta’ ċekkijiet mill-kont tal-APS tal-anzjan, u li dawn kienu jaqbżu l-ammont ta’ €134,000. Kien ukoll daħaq b’kaxxiera tal-bank HSBC u ekskollega tiegħu, Marcette Cefai, li kienet issarraflu ċ-ċekkijiet mill-ewwel u ttih il-flus kontanti meta dawn normalment jieħdu madwar tliet ijiem biex jgħaddu mill-bank oriġinali.
Mill-ammont totali, l-HSBC irnexxielu jirkupra xi flus imma meta kien għad fadal madwar €56,000 pendenti, keċċa lill-iskrivana u ħa l-ammont minn fond tagħha tal-pensjoni. Kien hawn li l-iskrivana fetħet proċeduri legali kontra Scerri.
Fil-Qorti, Cefai qalet li Scerri kien jgħid li wara li kien ħalla xogħolu mal-bank, kien fetaħ negozju b’suċċess fil-Bulgarija. Qalet ukoll li kienet issarraflu ċ-ċekkijiet dritt għax kienet tafdah u għax qatt qabel ma kellha problemi miegħu jew biċ-ċekkijiet li kien jagħtiha biex issarraflu. Qalet ukoll li meta xi ċekkijiet ma setgħux jissarrfu minħabba li ma kienx hemm biżżejjed fondi fil-kont ta’ Gauci, il-bank ikkuntattja lil Scerri u rkupra madwar €35,000.
Il-vittma wkoll, fil-Qorti, qal li kien jafda lil Scerri għax kien eks-ħaddiem tal-bank u kien tah il-prokura tiegħu wara li kellu diffikultajiet biex jifhem dokumenti tal-bank. Qal li oriġinarjament, Scerri kien stiednu jinvesti Lm800 f’kumpaniji taż-żejt u fil-Vatikan.
Mistoqsi mill-Pulizija, Scerri qal li kellu negozju ta’ importazzjoni tal-karozzi, li kellu diffikultajiet finanzjarji u li kellu problemi ta’ flus. Ammetta li sarraf iċ-ċekkijiet ta’ Gauci u li uża flus tal-vittma biex iħallas persuni oħra. Ammetta wkoll li kellu jagħti lil Gauci iktar minn €100,000.
Il-Qorti però m’emmnitx lil Scerri meta qal li kellu negozju ma’ Gauci, għaliex la kellu dokumenti x’jippreżenta bħala prova u lanqas importa karozza waħda. Għalhekk il-Qorti tatu sentenza ta’ għaxar snin ħabs.
//= $special ?>

