L-akbar theddida mhix ix-Schengen, iżda kif ingħataw 7,000 Visa lil Alġerini – Simon Busuttil

L-akbar theddida għas-sigurtà mhijiex is-sistema tal-kontroll tal-fruntieri, iżda l-mod kif permezz tal-Konsulat Malti fl-Alġerija ngħataw 7,000 Visa lil ċittadini Alġerini biex dawn daħlu fl-Ewropa.

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta wieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar iż-Żona Schengen.

Filwaqt li sostna li l-Oppożizzjoni taqbel mal-miżuri ta’ sigurta, dwar il-pożizzjoni espressa mill-Partit Nazzjonalista kontra li l-miżuri jitkomplew wara ċ-CHOGM, Simon Busuttil qal li kien il-Gvern stess li saħaq li m’hawnx theddid għall-pajjiż.

Filwaqt li sostna li l-Gvern qed jikkontradixxi lilu nnifsu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-akbar problema hi l-eluf ta’ Visas li l-Gvern qed joħroġ.

Simon Busuttil kompla li fiż-żminijiet tal-lum, is-sigurtà ma tfissirx kontrolli tal-fruntieri biss, iżda qsim ta’ informazzjoni utli. Appella lill-Gvern biex jassigura l-aqwa sigurtà għall-pajjiż mingħajr kontradizzjonijiet u b’sistemi effettivi.