Lokali Parlament

Marlene Farrugia tappella lill-Gvern juri rieda dwar l-ambjent u jwettaq dak li wiegħed lill-elettorat

Id-Deputat Marlene Farrugia appellat lill-Gvern juri rieda li fl-implimentazzjoni tal-Liġi dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Ambjent, ikun qiegħed jissalvagwardja l-ambjent fid-dimensjoni kollha tiegħu.

Appellat ukoll lill-Gvern juri r-rieda espressa mill-Partit Laburista fil-Manifest Elettorali li bih rebaħ il-gvern, u jimxi ma’ dak li wiegħed, u jkun it-tarka għall-ambjent.

Dawn ir-rimarki u appelli tad-Deputat Marlene Farrugia għamlithom fi tmiem id-dibattitu fil-Parlament li llum waranofsinhar wassal għall-approvazzjoni tal-Parlament tal-klawsoli kollha fl-Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu l-Gvern se jwaqqaf l-Awtorità dwar l-Ambjent.

Proprju fuq dan id-dibattitu fil-Parlament, Marlene Farrrugia ddikjarat li mhix qed taqbel ma’ dak li qiegħed jilleġisla l-Gvern tagħha stess, u vvutat favur emendi tal-Oppożizzjoni u kontra emendi li ressaq il-Gvern.

Wara li bħal-lum ġimgħa vvutat għall-ewwel darba kontra l-Gvern u mal-Oppożizzjoni, Marlene Farrugia rriżenjat mill-Partit Laburista u mill-Grupp Parlamentari tal-Gvern, u ddikjarat li se tibqa’ membru parlamentari indipendenti. Irriżenjat ukoll mill-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, bil-Gvern ma jilqax talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex il-Gvern jerġa’ jaħtar lil Marlene Farrugia fil-kariga ta’ Chairperson tal-Kumitat.

Kienet ukoll iddikjarat li kienet qed tivvota mal-Oppożizzjoni għaliex hi favur l-ambjent, favur aktar parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-deċiżjonijiet ambjentali, u kontra l-korruzzjoni.

Wara li ntemm id-dibattitu u għadda dan l-Abbozz ta’ Liġi, bdiet id-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, parti mill-proċess li l-Gvern qiegħed iżarma l-MEPA u minflok iwaqqaf żewġ awtoritajiet separati għall-ambjent u l-ippjanar.