Lokali

Permessi ta’ residenza f’Malta lil Libjani qed jiġu revokati

Ċittadini Libjani li ngħataw permess illegali ta’ residenza f’Malta qed jiġu kkuntattjati permezz ta’ ittra biex il-permessi illegali jiġu revokati.

Il-ġurnal The Times żvela dan li kkwota partijiet minn ittra li rċieva resident Libjan f’Malta li tgħid li l-permess ta’ residenza qed jiġi revokat minħabba li rriżulta li l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li ġiet sottomessa mill-persuna, ma kinitx ta’ min joqgħod fuqha.

Skont il-ġurnal, l-ittra, bil-firma ta’ Ryan Spagnol minn Identity Malta u datata f’Settembru, tat ġimagħtejn żmien lill-persuna biex iħalli Malta. Għarrfet lill-persuna konċernata li jekk tibqa’ fil-pajjiż wara din id-data, tkun qed tikser il-liġi tal-Immigrazzjoni.

Jidher li Identity Malta bagħtet diversi ittri ta’ dan it-tip lil ċittadini Libjani, inkluż lil dawk li applikaw għall-permess tar-residenza imma li s’issa għadhom ma rċevewhx. Jidher li xi Libjani qed jirrifjutaw il-kundizzjonijiet tal-ittra mibgħuta lilhom u mhux eskluż li xi wħud se jappellaw mid-deċiżjoni.

F’Awwissu li għadda l-eks-Teżorier tal-Partit Laburista, Joe Sammut, tressaq il-Qorti akkużat li kien qed jirreġistra kumpaniji kummerċjali foloz biex jinħarġu permessi ta’ residenza lis-sidien u lill-familja tagħhom. Wara xi arresti fost uffiċjali ta’ Identity Malta, xi ħaddiema qed jiffaċċjaw akkużi ta’ estorsjoni b’rabta mal-ħruġ tal-permessi ta’ residenza.

Matul is-sena li għaddiet, in-numru ta’ permessi ta’ residenza lil ċittadini li kienu ġejjin minn pajjiżi barra l-UE kien ta’ 13,798 li hu iktar mid-doppju l-permessi maħruġa fl-2012. Kważi 3,500 minnhom inħarġu lil ċittadini Libjani, li hu iktar minn erba’ darbiet iktar in-numru ta’ permessi maħruġa fl-2012.