Lokali Parlament

Poter aktar f’idejn il-Ministru bl-Awtorità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp

Il-kompożizzjoni tal-kunsill eżekuttiv se tnaqqas it-trasparenza u l-parteċipazzjoni ta’ diversi strutturi li għandhom involviment fis-settur ambjentali

Permezz tal-liġi li qed iressaq il-Gvern fil-Parlament biex iwaqqaf l-Awtorità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, il-poter se jkun trasferit iktar f’idejn il-Ministru. Minflok separazzjoni tal-poter, se jkun hemm konċentrazzjoni tal-poter f’idejn il-ministru.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal fid-dibattitu dwar dan l_Abbozz ta’ Liġi, li hemm differenza fil-prinċipju bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Hu semma l-Kunsill Eżekuttiv, li se jkollu l-poteri li jagħmel skedar storiku, jiddeċiedi l-policies tal-MEPA u li jiddeċiedi l-ippjanar ta’ toroq u użu. Hu naturali li f’dan il-bord ikun hemm persuni b’għarfien fil-kostruzzjoni u għalhekk l-għarfien għandu jkun disponibbli f’dan il-kunsill eżekuttiv.

Dwar iż-żewġ membri f’isem l-Awtorità tal-Ambjent, Ryan Callus qal li m’għandux ikun li l-membri tal-Awtorità tal-Ambjent jissejħu kull meta hemm bżonn għaliex dawn għandhom ikunu preżenti dejjem.

L-Oppożizzjoni tippreferi li jkun hemm eċċezzjoni dwar meta dawn m’għandhomx ikunu preżenti, u meta għandhom ikunu preżenti. Id-Deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza ta’ djalogu iktar wiesa’ u qal li l-kompożizzjoni tal-kunsill eżekuttiv se tnaqqas it-tasparenza u l-parteċipazzjoni ta’ diversi strutturi li għandhom involviment fis-settur ambjentali.

Mhux se jkun hemm separazzjoni tal-poter, sostna Ryan Callus, li kompa li din għandha tkun implimentata għal kulħadd u mhux għal min jidhirlu l-Gvern.

L-Oppożizzjoni qed tipproponi li ċ-Chairperson u l-Viċi-Chairperson fil-Bord tal-Awtorità m’għandhomx ikunu fil-kunsill eżekuttiv. Proposta oħra hi jkun hemm żewġ membri li jirrappreżentaw lill-għaqdiet ambjentali u magħżula minnhom. Importanti li jkun hemm ukoll membri mill-Gvern u mill-Oppożizzjoni, u li kull min ikun membru fil-Bord tal-Ippjanar m’għandux ikun membru fil-Kunsill Eżekuttiv.

Ix-Shadow Minister Chris Said qal li fil-verità din il-liġi se tkun qed tagħti l-poter kollu lill-gvern u twarrab għal kollox lis-soċjetà ċivili f’deċiżjonijiet mill-iktar importanti li se jaffettwaw ġenerazzjonijiet futuri.

Il-proposta hi li jkun hemm tlieta minn disa’ membri li ma jkunux nominati direttament mill-ministru, b’wieħed ikun nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni u t-tnejn l-oħra mill-għaqdiet ambjentali. Din hi emenda pożittiva li hi pass ‘il quddiem.

Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal li l-Gvern se jipproponi li kull policy tmur quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent.

Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino qal li hu preokkupanti li d-deċiżjonijiet issa se jkunu qed jittieħdu f’kumitat żgħir. Jidher li fil-liġi m’hemmx possibbiltà li d-diskussjonijiet tal-kunsill eżekuttiv ikunu pubbliċi. Dan meta se jkun il-kunsill eżekuttiv li se jiddeċiedi kollox minbarra l-permessi ta’ żvilupp.

George Pullicino staqsa x’se jkun qed jagħmel il-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent, u jekk il-policy hix se tkun deċiża diġà. Hu staqsa jekk id-diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari hix se ssir qabel issir id-diskussjoni fil-kunsill eżekuttiv.

Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech tkellem dwar ir-rwol taċ- Chairman u tal-Kap Eżekuttiv u qal li meta dawn iż-żewġ karigi jingħaqdu, tkun qed tixxekkel l-awtonomija tal-entità.

Din hi problema fundamentali li se jkun qed joħloq il-Gvern fil-Kunsill Eżekuttiv, sostna Zammit Dimech, li tkellem dwar il-funzjonijiet importanti tal-kunsill.