Il-President tar-Russja Vladimir Putin għadu kemm ħareġ b’kummenti iebsin ħafna wara it-twaqqigħ, sigħat ilu, ta’ ajruplan militari Russu minn qawwiet tal-gwerra tat-Turkija.
L-ajruplan Russu tat-tip Su-24 niżel f’zona qrib il-fruntiera tas-Sirja. Intant, għadhom deħlin rapporti konfliġġenti dwar id-destin tal-ekwipaġġ tiegħu, meta jidher li miet talanqas wieħed mill-membri.
Putin fisser l-inċident bħala ‘daqqa ta’ stallett fid-dahar minn kompliċi tat-terroristi’ u sostna li l-azzjoni partikolari ‘tmur ‘il hinn mit-taqbida normali kontra t-terroriżmu’.
Putin kompla li l-ajruplan Russu ma kienx qed jhedded lit-Turkija u dak il-ħin kien għaddej b’missjoni kontra t-terroristi tal-ISIS qalb il-muntanji fiz-zona ta’ Latakja.
Il-militar tat-Turkija qal li żewġ ajruplani tiegħu tat-tip F-16 sparaw fuq ajruplan li ma kienx identifikat ‘wara li wissewh xi għaxar darbiet f’ħames minuti’ li kien qed jabbuża l-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżhom. L-ajruplan Russu, dak il-ħin, kien għaddej fuq il-belt ta’ Yayladagi, fil-provinċja ta’ Hatay.
//= $special ?>