Il-pulizija fi Franza qed jeżaminaw ‘ċinturin tas-suwiċida’ li jidher hu tal-istess tip li użaw it-terroristi tal-ISIS biex iwettqu splużjonijiet fil-qalba ta’ Pariġi.
Iċ-ċinturin tal-isplussivi instab abbandunat, mingħajr detonatur, mill-ħaddiema li kienu qed jagħmlu xogħol ta’ tindif fi triq ta’ Montrouge, li hu distrett ta’ Pariġi.
Ingħad li ċ-ċinturin kien elevat minn landa tal-iskart, bl-investigazzjonijiet qed ikomplu. Skont il-pulizija, iċ-ċinturin hu simili għaċ-ċinturini bl-isplussivi li ntużaw fl-attakki tat-13 ta’ Novembru mit-terroristi tal-ISIS f’Pariġi fejn irriżultaw 130 maqtula.
Jaħsbu li suspettat konness mal-attakki kien għadda mis-subborg ta’ Montrouge wara l-istraġi. Fil-fatt, iċ-ċinturin jitqies bħala biċċa prova importanti li l-pulizija qegħdin jorbtu mas-suspettat li jismu Salah Abdeslam. Wieħed mit-terroristi li mietu fl-attakki tat-13 ta’ Novembru kien jismu Brahim Abdeslam u kien identifikat bħala wieħed mill-aħwa ta’ Salah li għadu sallum qed jiżgiċċa lill-qawwiet tas-sigurtà.
Intant, instab telefon ċellulari ġo karozza abbandunata li kienet mikrija minn Salah Abdeslam. Id-data li ttieħdet mit-telefon tindika li, fil-lejl meta Pariġi ntlaqtet mit-terroriżmu, Salah kien ‘fl-istess zona fejn instab iċ-ċinturin’. Issemmiet il-possibbiltà li Salah kien qed jaħseb biex itajjar l-isplussivi u li hu, imbagħad, bidel ħsiebu. Jista’ jkun ukoll li ċ-ċinturin bl-isplussivi kien difettuż u li hu ‘kien reġa’ bdielu fl-aħħar sekonda’.
Sadanittant, raġel suspettat li jidher li għandu rabtiet mat-terroristi ta’ Pariġi kien interrogat mill-awtoritajiet Franċiżi.
Jawad Bendaoud, li hu l-uniku persuna fi Franza li qed jiffaċċja akkużi potenzjali dwar terroriżmu b’konnessjoni mal-istraġi tat-13 ta’ Novembru, tressaq quddiem Imħallef f’Pariġi. Hu kien arrestat wara li pprovda appartament lil Abdelhamid Abaaoud, suspettat bħala l-kap tat-terroristi li attakkaw Pariġ, fis-subborg ta’ St Denis.
Bendaoud jinsisti li ma kienx jaf li Abaaoud u persuni oħra li daħlu miegħu fl-appartament kienu terroristi. Intant, Abaaoud u żewġ persuni oħra nqatlu l-ġimgħa l-oħra waqt rejd mill-pulizija Franċiża fuq l-appartament inkwistjoni.
//= $special ?>