Il-Gvern informa lill-Kummissjoni Ewropea li l-kontroll tal-fruntieri f’Malta, b’sospensjoni tax-Schengen, se jibqa’ sa 30 jum wara li tintemm iċ-CHOGM u li Malta ma teskludix li ġġedded dan il-perjodu bi 30 jum oħra wara li jiskadi l-ewwel terminu.
Malta daħħlet mill-ġdid il-kontroll tal-fruntieri bħala miżura ta’ prekawzjoni biex iżżid is-sigurtà b’rabta ma’ CHOGM imma suppost li din il-miżura temporanja tispiċċa nhar il-Ħadd li ġej.
Il-ġurnal The Times żvela li minkejja dan, il-Gvern Malti invoka klawsoli tar-regoli ta’ Schengen li jippermettu li l-kontroll tal-fruntieri jerġgħu jiddaħħlu “fejn hemm theddida serja għall-politika pubblika jew sigurtà interna”. L-artikli 23 u 25 tar-regoli ta’ Schengen jgħidu li fost l-oħrajn, il-pajjiż jista’ jdaħħal il-kontroll tal-fruntieri għal 30 jum, b’għażla ta’ estensjoni ta’ 30 jum oħra wara dan.
Kelliem għall-Gvern, ikkwotat mill-istess ġurnal, qal li l-Gvern ikkomunika n-notifika tiegħu lbieraħ. Spjega li t-theddida ta’ sigurtà hi madwar id-dinja kollha u li Malta ma tridx tieħu riskji. Ċaħad madankollu li hemm xi theddida speċifika fuq Malta.
L-Oppożizzjoni qed topponi d-deċiżjoni tal-Gvern Malti u tisħaq minflok fuq ħtieġa ta’ kontroll kontra abbuż u korruzzjoni fl-għoti ta’ viżas u permessi ta’ residenti.
//= $special ?>