Lokali Parlament

Joe Debono Grech japoloġizza b’ittra lill-Ispeaker

Wara l-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li tikkundanna lil Joe Debono Grech u titlob is-sospensjoni tiegħu, id-Deputat Laburista jgħid li dak li seħħ hu frott tal-karattru tiegħu

Id-Deputat Laburista Joe Debono Grech għamel apoloġija fil-Parlament għad-diskors li qal “Niġi ħdejk u nifqgħek” lejn id-deputat indipendenti Marlene Farrugia f’inċident li naqala’ fil-Parlament nhar il-Ġimgħa li għaddiet.

F’ittra li bagħat lll-Ispeaker Anġlu Farrugia u li qara fil-bidu tas-seduta tal-lejla, Joe Debono Grech irrifera għar-ruling li tat is-Sedja dwar l-inċidenti bejnu u bejn Marlene Farrugia, u spjega li qed jikteb apoloġija formali lejn Marlene Farrugia u lejn is-Sedja, li lejhom qal li għandu l-akbar rispett.

Fl-inċident tal-Ġimgħa, Joe Debono Grech qal li ma kellux intenzjoni li jonqos mir-rispett lejn Marlene Farrugia u li jattakka r-rwol tal-mara f’kull ambitu.

Joe Debono Grech qal li dak li seħħ hu frott tal-karattru tiegħu, u li wara ma jżomm xejn f’qalbu u jinsa kollox.

Fis-seduta ta’ dalgħodu, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u d-Deputat Marlene Farrugia talbu biex il-mozzjoni li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dalgħodu stess lill-Ispeaker, biex jinbidel ir-ruling tal-Ispeaker dwar l-inċident ta’ nhar il-Ġimgħa, tikkundanna l-kliem u l-aġir ta’ Debono Grech u titlob biex jiġi sospiż, tiġi diskussa llum stess, fis-seduta li għaddejja bħalissa.