Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker wissa li jekk il-pajjiżi jkomplu jinjoraw il-ftehim tax-Schengen, ikun fil-periklu wkoll il-ġejjieni tal-munita komuni Ewropea, l-ewro.
Juncker l-Erbgħa wissa lill-Parlament Ewropew li jekk l-ispirtu tax-Schenegn jispiċċa, allura l-Unjoni Ewropea tkun qed titlef aktar minn dan il-ftehim. Dan peress li munita komuni ma tkunx tagħmel aktar sens jekk ifalli l-ftehim. Juncker qal li dan il-ftehim kien wieħed mill-pedamenti tal-għaqda fl-Ewropa.
Filwaqt li m’hemm ebda rabta legali bejn il-ftehim tax-Schengen, li fih hemm membru 22 pajjiż tal-UE u erbgħa minn barra l-għaqda, u z-zona ewro fejn hemm 19-il pajjiż membru, it-twissija ta’ Juncker kienet riflessjoni tat-tħassib li hemm għat-tensjonijiet dwar l-immigrazzjoni bejn il-pajjiż membri hekk kif ħabbtu wiċċhom mal-mewġa ta’ immigranti. Juncker tkellem hekk kif għad hemm 1,500 immigrant maqbuda fit-Tramuntana tal-Greċja tul il-fruntiera mal-Maċedonja. Dan wara li kienu imposti restrizzjonijiet fuq min jista’ jidħol.
Sadattant, l-Iżvezja ħabbret li kienet se timponi aktar restrizzjonijiet tul il-fruntiera u l-istess qalet in-Norveġja, filwaqt li Manuel Valls, il-Prim Ministru Franċiż, qal li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kienu laħqu l-limitu tagħhom dwar kemm jifilħu immigranti.