F’pajjiżna llum nistgħu ngħaddu messaġġ ċar kontra l-vjolenza fuq in-nisa. Dak li ġara l-ġimgha l-oħra fil-Parlament mhux biss huwa kundannabbli imma deplorabbli, tant li l-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq mozzjoni biex l-aġir tad-Deputat Laburista Joe Debono Grech jiġi kkundannat u l-istess membru jiġi sospiż mill-Kamra.
Il-Partit Nazzjonalista qal dan fl-okkażjoni tal-Jum Dinji Kontra l-Vjolenza fuq Nisa u Bniet, li hija vjolazjoni serja tad-drittijiet tal-bniedem u qal li dak li ġara fil-Kamra tad-Deputati huwa messaġġ b’saħħtu lejn is-soċjeta’ tagħna. S’issa l-messaġġ huwa li l-vjolenza hija ġustifikata u li mara għandha taqta’ qalbha milli tfittex rimedju, aħseb u ara ġustizzja.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista spjega li l-abbuż jista’ jkun wiehed fiżiku jew psikoloġiku u l-konsegwenzi jistgħu jkunu serji ħafna, speċjalment f’każijiet fejn l-abbuż ikun fit-tul u jista’ jwassal għall-mewt.
L-abbuż għandu jiġi kkundannat dejjem u f’kull ċirkostanza, kompla l-Partit Nazzjonalista, u min ma jikkundannax kull tip ta’ aġir vjolenti fil-konfront ta’ kull mara u tifla huwa kompliċi fit-twettiq tal-att vjolenti u fil-propogazzjoni ta’ mentalita’ li raġel għandu xi dritt ikun vjolenti fil-konfront ta’ mara.
//= $special ?>