Bħal fil-każ tal-ambjent, l-Oppożizzjoni trid li l-għaqdiet tas-soċjeta’ ċivili jingħataw aktar saħħa fid-deċiżjonijiet
Fil-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet, l-Oppożizzjoni, qed tressaq tliet emendi għal-Liġi dwar il-Lingwa Maltija tas-Sinjali.
Dawn l-emendi li qed jitressqu mill-Kelliem tal-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà, Robert Cutajar, jagħtu aktar saħħa lill-Abbozz ta’ Liġi mressaq fil-Parlament, u dan biex jiġi assigurat li l-persuni neqsin mis-smigħ ikollhom aktar faċilitajiet, servizzi, kif ukoll għajnuna b’mod professjonali.
Dawn it-tliet emendi jiżdiedu maż-żewġ emendi li diġà ressqet din l-Oppożizzjoni, bl-appoġġ tal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista, favur il-persuni b’diżabbiltà: dik li tagħti awtonomija lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbiltà, kif ukoll l-emenda fil-Kostituzzjoni dwar il-persuni b’diżabbiltà.
F’kummenti dwar dawn l-emendi, ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici qalet “Bħalma qed nagħmlu fis-settur ambjentali, l-Oppożizzjoni qed taħdem b’mod konkret biex jagħti vuċi aktar b’saħħitha lill-għaqdiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. F’dan il-każ, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ tingħata aktar saħħa biex ix-xogħol tant siewi li tagħmel din l-għaqda jiġi rifless ukoll fid-deċiżjonijiet li jieħdu l-awtoritajiet b’risq il-persuni neqsin mis-smigħ.”
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li “l-preżentazzjoni ta’ dawn l-emendi qed issir wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ persuni neqsin mis-smigħ, kif ukoll mal-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ. L-Oppożizzjoni temmen ukoll li s-servizz ta’ interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija għandha ssir b’mod professjonali, biex b’hekk, persuni neqsin mis-smigħ ikollhom il-faċilità ta’ interpretazzjoni fl-aktar ċirkustanzi possibbli.”
Dan tal-lum huwa eżempju konkret ieħor ta’ kemm l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija waħda proattiva, anke fil-qasam tal-persuni b’diżabbiltà. Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jaċċetta dawn l-emendi biex ikun assigurat li l-persuni neqsin mis-smigħ u l-familji tagħhom, ikollhom ħajja aħjar. Wara kollox, setturi bħal dawn jitolbu kunsensus u qbil bejn mhux biss il-Gvern u l-Oppożizzjoni, iżda anke mal-istakeholders fis-settur.
//= $special ?>